Stanley Zammit, PN
Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-mod kif qed jitmexxa l-wirt kulturali u jagħti lis- Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) l-funzjoni reali ta’ arbitru, mhux spettatur.
Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit, tkellem kontra dak li sejjaħ bħala mentalità ta’ interferenza politika u indifferenza istituzzjonali lejn il-wirt kulturali Malti, waqt id-diskussjoni dwar ir-rapport tal-ħidma tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali (SCH).
Hu qal li l-Gvern Laburista ħoloq kultura ta’ “kollox jgħaddi” li qed timmina r-rwol regolatorju tal-istess SCH, minkejja l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali ta’ Malta.
“Il-ħarsien tal-wirt kulturali mhux kwistjoni ta’ estetika biss. Huwa pilastru kruċjali għal żvilupp verament sostenibbli,” saħaq Stanley Zammit, waqt li fakkar li l-liġi tagħti lil SCH rwol deċiżiv li m’għandux jiġi injorat.
Stanley Zammit qabbel ir-rwol tal-SCH ma’ dak ta’ referee f’logħba tal-football – persuna li trid tiddeċiedi skont regoli ċari u mhux tgħid “forsi” jew “ara int”.
“Ir-referee ma jagħtix pariri. Jiddeċiedi. Hekk għandha tkun l-SCH. Imma llum qed tiġi mwarrba, injorata, jew ippressata,” irrimarka Stanley Zammit. Hu semma’ diversi fosthom f’Tal-Pietà fejn binja ta’ tmien sulari kienet approvata kontra l-parir tal-SCH fuq siti Grad 1; f’San Ġiljan fejn Villa San Inazju nbidlet f’lukanda waqt li l-klassifikazzjoni kienet pendenti; u l-Forti Chambray fejn il-permess kien proċessat qabel ma ġie determinat il-livell ta’ protezzjoni.
Il-kritika ta’ Stanley Zammit kienet fuq nuqqas sistemiku ta’ trasparenza u infurzar. Hu fakkar fir-rapport tal-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia u saħaq li l-problema mhijiex il-liġijiet innifishom, iżda n-nuqqas ta’ applikazzjoni u infurzar tagħhom.
Stanley Zammit wiegħed li Gvern Nazzjonalista jnaqqas l-ispejjeż relatati mal-monitoring u d-dokumentazzjoni, joħloq sistema aktar sempliċi u trasparenti, jagħti awtonomija vera lis-SCH u jagħmel il-ħarsien tal-wirt parti integrali mill-ippjanar.
Stanley Zammit temm billi appella biex “is-SCH tkun attur prinċipali mhux osservatur,” u fakkar li l-identità ta’ poplu tinbena minn dak li jżomm il-memorja storika ħajja.
//= $special ?>