Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump sostna li hu mhux kuntent b’dak li qed jagħmel il-President Russu Vladimir Putin, wara li r-Russi għamlu l-ikbar attakk fuq l-Ukrajna minn mindu bdiet l-invażjoni Russa. F’dan l-attakk li seħħ il-Ħadd filgħaxija nqatlu 12-il persuna u weġġgħu ħafna oħrajn.
Trump staqsa xi ġralu Putin, hekk kif qed joqtol ħafna persuni, filwaqt li sostna li l-President Russu huwa ‘miġnun’.
Dwar dan, il-President Ukren Volodymyr Zelensky sostna li s-silenzju minn naħa tal-Amerikani kien ta’ inkoraġġiment għar-Russi, filwaqt li kompla jsostni li hemm bżonn sanzjonijiet iżjed b’saħħithom minn naħa tal-Amerikani.
Minkejja li l-alleati Ewropej ta’ Kyiv qed iħejju sanzjonijiet oħra kontra r-Russja, l-Amerika qalet li se tkompli tipprova tfaċilita t-taħditiet ta’ paċi, jew inkella ‘titlaq’ jekk ma jkunx hemm ebda progress.
Il-ġimgħa li għaddiet, Trump u Putin kellhom telefonata ta’ sagħtejn biex jiddiskutu ftehim ta’ waqfien mill-ġlied propost mill-Istati Uniti.
//= $special ?>