Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola appellat biex in-nisa jgħinu lil xulxin jitilgħu ‘il fuq fis-soċjetà. “Nemmen li għandna ngħinu lil xulxin. Għax meta n-nisa jitilgħu, aħna lkoll nitilgħu. Meta l-bniet jaraw nisa oħra jmexxu, jibdew jemmnu li jistgħu wkoll. Għalhekk ejjew niżguraw li l-ebda mara qatt ma tingħad biex tibqa’ lura, meta tkun lesta li tagħmel pass ’il quddiem.”
Il-President Metsola għamlet diskors waqt il-ftuħ ta’ Konferenza Reġjonali Ewropea u Simpożju għaż-Żgħażagħ organizzat f’Dar il-Mediterran il-Belt, li ffoka fuq id-drittijiet tan-nisa. L-organizzazjoni mhux governattiva Maltija Business and Professional Women kienet fdata biex torganizza it-18-il edizzjoni ta’ din il-konferenza.
Il-President Metsola faħħret lill-BPW bħala “forza għall-bidla,” filwaqt li saħqet dwar l-appoġġ li qed jagħti l-Parlament Ewropew fejn jidħol l-avvanz tan-nisa fil-karrieri tagħhom u f’irwoli ta’ tmexxija.
“Laqgħat bħal dawn ifakkruna li, lil hinn mill-fruntieri u l-ġenerazzjonijiet, aħna magħqudin b’għan komuni: l-ugwaljanza, ir-rikonoxximent u t-tisħiħ tal-irwol tal-mara fis-soċjetà,” qalet Metsola.
Filwaqt li ndirizzat it-temi tal-konferenza ta’ din is-sena – inkluż il-futur tax-xogħol, it-trasformazzjoni diġitali u t-tmexxija globali – hija enfasizzat il-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-innovazzjoni teknoloġika tkun hemm biex isservi lin-nies. “It-teknoloġija u l-IA qed isawru mill-ġdid is-soċjetajiet tagħna, il-postijiet tax-xogħol tagħna, u ħajjitna. Huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew ħadem biex jiżgura li l-innovazzjoni tpoġġi lin-nies l-ewwel.”
Il-President Metsola ġibdet l-attenzjoni għall-isfidi persistenti li jiffaċċjaw in-nisa, fosthom li hemm standards ogħla mistennija minnhom, u li jridu jibqgħu jagħtu prova wara l-oħra ta’ x’kapaċi joffru. “Dawn mhumiex kwistjonijiet astratti. Huma ostakli reali u strutturali li jeħtieġu soluzzjonijiet reali u kollettivi,” qalet Metsola.
Metsola saħqet li l-liġijiet waħedhom mhumiex biżżejjed biex iġibu l-ugwaljanza bejn is-sessi. “Irridu nisfidaw l-isterjotipi, nibdlu l-mentalità, u noħolqu ambjent fejn in-nisa jingħataw appoġġ.”
//= $special ?>