L-MFA ħadet l-inizjattiva li tniedi flokk speċjali li t-tim tal-irġiel u tan-nisa se jkunu qed jilagħbu biħ darba, bħala parti miċ-ċelerbazzjonijiet tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni.
Dan il-flokk tnieda, waqt konferenza stampa li saret dalgħodu, u li kienet indirizzata mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo; u d-Direttur Kummerċjali u tal-Komunikazzjoni, Matthew Spiteri Gonzi; li pprovdew dettalji dwar il-kit kif ukoll informazzjoni dwar il-biljetti tal-logħbiet internazzjonali li jmissha tilgħab Malta.
Il-plejers tat-tim nazzjonali Rachel Cuschieri, Maria Farrugia, Henry Bonello u Carlo Zammit Lonardelli kienu preżenti wkoll. Id-disinn huwa ispirat mill-kit li ntlibes mit-tim nazzjonali Malti fl-ewwel logħba uffiċjali tiegħu kontra l-Awstrija, lura fl-1957.

Plejers tat-tim nazzjonali tal-irġiel u tan-nisa bil-flokk speċjali u li hu limitat fl-okkazzjoni tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-MFA
Dan il-kit se jintlibes fil-logħba uffiċjali li t-tim tal-irġiel se jilgħab nħar is-7 ta’ Ġunju li ġej f’Ta’Qali, bħala parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026 kontra l-Litwanja. Fil-każ tat-tim nazzjonali tan-nisa, il-flokk se jkun qed jintlibes aktar tard din is-sena.
B’kollox saru biss 1,700 flokk li jinsabu għall-bejgħ b’kull wieħed assenjat b’numru f’din l-edizzjoni limitata.
Numri speċifiċi ma jistgħux jiġu mitluba jew riżervati, u l-kit se jinbiegħ f’kaxxa speċjali.

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo
Il-President tal-MFA, Vassallo qal li “t-tnedija ta’ dan il-kit hija mod biex niċċelebraw il-125 Anniversarju tal-Malta FA. Qed nimmiraw għal prestazzjonijiet tajbin miż-żewġ timijiet nazzjonali biex tiġi mfakkra din it-tnedija sabiex din is-sena tkun ukoll tassew waħda memorabbli.”
Dwar il-ħidma li saret fuq id-disinn ta’ dan il-kit speċjali, tkellem Spiteri Gonzi fejn qal li “waqt li ħdimna mad-ditta Errea, ippruvajna nżommu d-disinn sempliċi kemm jista’ jkun, b’mod fejn anke s-simbolu tal-marka ta’ Errea jkun biss fuq il-kmiem. Il-kit jinkludi s-salib Malti bi tmien ponot fuq quddiem, kif ukoll il-logo tal-125 Anniversarju tal-Malta FA fuq wara, flimkien ma’ marka ta’ kwalità fuq il-parti t’isfel tal-flokk.”

Id-Direttur Kummerċjali u tal-Komunikazzjoni tal-MFA, Matthew Spiteri Gonzi.
Waqt din il-konferenza stampa, l-MFA tat l-aħħar dettalji dwar il-biljetti għal-logħbiet internazzjonali li ġejjin.
It-tim nazzjonali tan-nisa għandu żewġ logħbiet kruċjali fi Grupp C2 tan-Nations League, hekk kif it-tim immexxi mill-kowċ Manuela Tesse qed ifittex li jiżgura l-promozzjoni lura għal-League B. L-ewwel konfront se jkun kontra Ċipru, f’partita diretta għall-promozzjoni li se tintlagħab, fit-30 ta’ Mejju, fl-Istadium Nazzjonali, fis-7pm.
Dan se jkun segwit minn logħba barra minn xtutna kontra Andorra, fit-3 ta’ Ġunju.
Il-biljetti għal-logħba kontra Ċipru diġà huma disponibbli fuq il-pjattaforma tal-biljetti tal-Malta FA, b’aktar dettalji disponibbli hawnhekk. “Inħeġġu lil kulħadd biex jattendi u jingħata l-appoġġ lit-tim Malta f’partita daqshekk importanti,” irrimarka l-President Vassallo.
Huwa żied jgħid li l-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, se tkun preżenti biex tappoġġja lit-tim Malti.
Barra minn hekk, il-finalista tal-Eurovision Song Contest, Miriana Conte, se tkun ukoll preżenti biex tallegra lill-folla qabel il-logħba, u tħeġġiġhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lit-tim nazzjonali Malti.
//= $special ?>