Kultura Lokali

“Kien pożittiv li l-PN iffoka fuq is-settur tal-arti u l-kultura”

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Kien hemm reazzjonijiet pożittivi għall-inizjattiva li ħa l-PN nhar il-Ħadd, meta laqqa’ numru ta’ artisti u professjonisti mis-settur kulturali – settur li għandu potenzjal enormi, u li jeħtieġ jingħata attenzjoni akbar.

Mariella Pisani Bencini, waħda mill-preżentaturi ta’ din il-laqgħa, sostniet ma’ Net News l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ diskussjonijiet, hekk kif bħalissa l-artisti huma minsija fis-soċjetà tagħna.

Minn naħa tagħha, Angele Galea, għalliema tal-arti u l-mużika, sostniet li f’Malta mhux qed isir biżżejjed sabiex l-artist ikollu spazju ħalli jesebixxi l-ħiliet tiegħu.

Theresa Micallef, mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, sostniet li diskussjonijiet bħal dawn huma importanti hekk kif persuni minn setturi differenti jkunu jistgħu jisimgħu u jitgħallmu minn xulxin.

Il-President tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija tad-divertiment u l-arti, Maria Galea, sostniet li dawn it-tip ta’ laqgħat huma importanti sabiex verament nifhmu l-bżonnijiet ta’ dan is-settur u tal-persuni involuti.

Il-laqgħa tal-Ħadd tmexxiet minn John Bundy u Mariella Pisani Bencini, u matulha l-Kap tal-PN Bernard Grech kellu l-opportunità li jisma’ t-tħassib ta’ dawn l-artisti, iżda fuq kollox il-viżjoni tagħhom għal pajjiż aħjar.