Fl-isfond ta’ spettaklu kkulurit f’Andorra La Vella, illejla ingħata bidu uffiċjalment għall-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra, biċ-ċerimonja tal-ftuħ.
Il-kulminu tas-serata għal kull Malti u Għawdxi ntlaħaq meta l-atleti Francesca Curmi u Jarred Micallef dehru fuq quddiem tal-kontinġent Malti, bħala ż-żewġ atleti lokali magħżula mill-Kumitat Olimpiku Malti fir-rwol ta’ flag bearers.
Curmi, li attwalment tinsab fit-367 post fir-rankings tal-WTA tat-tennis, u sentejn ilu rebħet żewġ midalji (deheb u fidda) fl-edizzjoni ta’ dawn il-logħob li kienu saru Malta, hija meqjusa bħala waħda mill-atleti b’tamiet kbar li f’Andorra tikseb riżultati pożittivi.
Micallef, li fl-atletika hu wieħed mill-aqwa atleti li għandna fil-kontinġent Malti għad-distanzi fit-tul u fuq distanza medja, preżentament jipposjedi r-rekord nazzjonali fit-tlielaq tat-800 metru u l-1,500 metru.
Senjten ilu, f’Malta, Micallef kien protagonista bir-rebħ ta’ żewġ midalji fl-atletika, waħda minnhom tad-deheb, fit-800 metru tal-irġiel.
L-espressjoni tal-uċuħ tal-atleti Maltin preżenti għal din iċ-ċerimonja tal-ftuħ kienet waħda li tnissel sens ta’ kburija li f’din l-edizzjoni ta’ Andorra għandhom l-opportunitá li jirrappreżentaw lil pajjiżna.
Hekk kif għada filgħodu jibdew l-ewwel kompetizzjonijiet, u matul il-ġurnata jkollna l-ewwel rebħ ta’ midalji, Malta tista’ tkun protagonista bl-ewwel rebħ ta’ midalji possibbilment anke dawk tad-deheb. Waqt press briefing li sar illum f’Andorra, mid-Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti, Charlene Attard, hi tkellmet dwar dak li hu mistenni mill-atleti tagħna f’din l-edizzjoni u għamlitha ċara li għal raġunijiet ovvji, is-suċċess ta’ sentejn ilu f’Malta, meta b’kollox konna ksibna r-rebħ ta’ 97 midalja, li 38 minnhom kienu tad-deheb, mhux se jkun l-istess.
Malta qed tħares li tissupera l-ammont ta’ tmien midalji tad-deheb li jintrebħu fid-diversi dixxiplini, u li allura l-mira hi l f’Andorra, Tim Malta jikseb l-aqwa u l-aħjar suċċess li qatt ksibna, kull darba li dawn il-logħob ma sarux f’pajjiżna. Sal-lum l-aqwa edizzjoni kienet dik tal-2011, meta f’ Liechtenstein konna ksibna r-rebħa ta’ tmien midalji tad-deheb, 12-il midalja tal-fidda u sebgħa bronz.
//= $special ?>