Internazzjonali

L-Ukrajna taħt burraxka kontinwa… bi Trump jikkritika bil-qawwi lil Putin

Il-poplu tal-Ukrajna, fl-aħħar iljieli, kellu jgħaddi minn kalvarju storiku waqt li l-attakki bil-missili u d-drones fuq Kiev u bliet oħrajn komplew bl-istess livell ta’ intensità. Assedju li qed ikun imfisser bħala l-akbar wieħed mill-bidu tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, fi Frar tal-2022. Dan ukoll waqt li r-Russja x’aktarx li tirranka l-kampanja militari għax-xhur tas-sajf bi sfida diretta lill-Istati Uniti li ilha l-aħħar ġimgħat tipprova twassal għat-tmiem tal-konflitt, fir-rwol ta’ medjatur.

Fil-fatt, il-President Amerikan Donald Trump, għall-ewwel darba, ċanfar lill-President Russu Vladimir Putin għall-attakki persistenti fuq l-ibliet tal-Ukreni u talli Putin lanqas mhu dispost imqar għal ftit ġimgħat ta’ waqfien mill-ġlied.

Donald Trump, waqt messaġġ fuq Truth Social, qal li ‘hu dejjem kellu relazzjoni tajba ma’ Vladimir Putin’ iżda saħaq li ‘l-President Russu x’aktarx li ġratlu xi ħaġa u issa qed jaġixxi bħal bniedem li tilef moħħu’.

Il-Gvern Russu, sadanittant, wieġeb b’messaġġ li ‘rringrazzja lill-President Trump għall-isforzi diplomatiċi tiegħu’, bil-messaġġ ikompli li dan hu mument importanti ħafna li qed iqanqal ħafna emozzjonijiet fuq kull naħa’.

L-osservaturi barranin, sadanittant, innutaw li l-messaġġ tal-Kremlin, kien ‘mirqum b’mod li ma jantagonizzax lill-Presidernt Amerikan’ – u meta mistenni li Trump u Putin ikollhom aktar taħditiet bit-telefon matul il-ġimgħa.

Sadanittant, Donald Trump xorta baqa’ jqis lil Volodymyr Zelensky bħala ‘parzjalment ħati għall-konflitt’ minkejja li pajjiżu spiċċa attakkat mill-qawwiet tal-Kremlin. Dan għaliex, waqt li Trump kien qed jikkritika lil Putin, hu anki akkuża lill-President Ukren ‘b’li mhu jagħmel l-ebda favuri lil pajjiżu bil-mod kif qed jitkellem’.

Zelensky, nhar il-Ħadd – u fi kritika indiretta għall-Istati Unit – kien saħaq biex Washington jikkundanna bla riservi u aktar biċ-ċar l-attakki li qed isiru fuq l-Ukreni.

Fl-istess ħin, Zelensky, għalissa, ma indirizzax l-akkuża ta’ Trump, għalkemm kompla jinsisti għal pressjoni akbar fuq ir-Russja min-naħa tal-Istati Uniti u l-alleati.

F’din is-sitwazzjoni, il-President Franċiż Emmanuel Macron, qal li Trump qed jirrealizza li Putin ‘gideb’ dwar l-Ukrajna u qed jistenna reazzjoni ‘aktar konkreta’ mill-Istati Uniti fil-konfront tar-Russja. F’dan il-każ, Macron, li kien għaddej bi żjara diplomatika fil-Vjetnam, indika l-possibbiltà ta’ pakkett ġdid ta’ sanzjoniijiet għar-Russja min-naħa tal-Istati Uniti u anki l-Unjoni Ewropea

L-ebda serħan mill-konflitt

Il-qawwiet Russi, fis-sigħat bikrin tat-Tnejn, sparaw viċin l-400 drone u missili lejn l-Ukrajna u li huma rekord għal lejl wieħed. Fl-istess ħin, il-kelliema f’Moska qalu li s-sistemi tad-difiża tagħhom interċettaw l-għexieren tad-drones sparati mill-Ukrajna lejn tnax-il reġjun tar-Russja – inkluża Moska.

Hu minnu wkoll li l-Ukrajna, illum, qed tipproduċi dejjem aktar drones għall-azzjonijiet militari u l-Gvern Russu, fl-aħħar sigħat, insista li l-attakki kontinwi fuq l-Ukrajna kienu ‘reazzjoni għall-isparaturi tad-drones min-naħa l-oħra tal-fruntiera’. Drones li, skont Moska, qed ikunu mmirati għall-infrastruttura tar-Russja.

Dmitry Peskov, bħala kelliem ewlieni għall-Kremlin, qed jinsisti bil-kontroakkużi li l-Ukreni sparaw id-drones lejn ‘l-infrastruttura soċjali tar-Russja li tintuża għall-iskopijiet ċivili’. Hu kompla li r-Russja, għall-kuntrarju, qed tipprova tolqot biss il-miri militari tal-Ukrajna.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Ukrajna qalet li ċ-Ċina qed tissupplixxi lir-Russja b’materjal importanti għall-fabbriki li jipproduċu tagħmir tal-gwerra. Dan wara li s-servizzi sigrieti Ukreni ilhom jindikaw ‘l-għajnuna konsistenti mingħand Beijing’ lil Vladimir Putin, li dejjem jiftaħar dwar ‘ir-relazzjoni speċjali ta’ pajjiżu ma’ Beijing’.

Is-sorsi rreferew għal data li tikkonċerna madwar 20 fabbrika fir-Russja li qed jirċievu l-magni, kimika speċjali, munizzjon u komponenti speċifikament relatati mal-proġetti militari.