GSSE 2025 Sport

Malta qed tħares li tissupera l-aqwa riżultat f’edizzjoni tal-GSSE li ma saritx f’pajjiżna

L-aħħar preparamenti miċ-ċiklisti Maltin, irġiel u nisa, qabel id-debutt tagħhom fl-20 edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar.
L-aħħar preparamenti miċ-ċiklisti Maltin, irġiel u nisa, qabel id-debutt tagħhom fl-20 edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar.

Din hija l-ġimgħa li matulha se tkun qed tinżamm l-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Andorra. Sentejn ilu, dawn il-logħob kienu saru f’Malta u l-kontinġent Malti kien kiseb l-aqwa riżultat fl-istorja meta temmejna l-ewwel fil-klassifika tal-midalji mirbuħa minn fost id-disa’ pajjiżi parteċipanti.

Fl-2023, Malta kellna kontinġent ta’ 215-il atleta, u f’għaxar dixxiplini sportivi differenti, il-Maltin konna rrnexxielna nirbħu rekord ta’ 97 midalja, b’38 midalja minnhom kienu tad-deheb. Din id-darba l-aspettattiva tal-kontinġent Malti mhijix l-istess bħal dik ta’ sentejn ilu, għalkemm wieħed xorta waħda qed jittama li l-atleti Maltin jirnexxilhom jiksbu wieħed mill-aħjar riżultati li qatt akkwistajna f’edizzjoni tal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ma tkunx organizzata f’pajjiżna.

Illejla se tkun qed tingħata bidu għal din l-edizzjoni meta f’Andorra La Vella tkun organizzata ċ-ċerimonja tal-ftuħ li se ssir fl-Istadium Nazzjonali ta’ Andorra. Din iċ-ċerimonja mistennija tibda fid-9pm.

L-atleti Maltin, Francesca Curmi tat-tennis u Jared Micallef tal-atletika, huma ż-żewġ atleti magħżula mill-Kumitat Olimpliku Malti sabiex waqt iċ-ċerimonja tal-lejla, iġorru l-bandiera Maltija. Il-kontinġent Malti, li f’Andorra qed jitmexxa mix-Chef de Mission, Daniel Tanti Farrugia, se jkun kompost minn 108 atleta; tnaqqis ta’ ftit aktar minn 100 atleta milli kellna fil-kontinġent Malti fl-edizzjoni li saret f’pajjiżna fl-2023.

L-atleti Maltin, Francesca Curmi tat-tennis u Jared Micallef tal-atletika, huma ż-żewġ atleti magħżula mill-Kumitat Olimpliku Malti sabiex waqt iċ-ċerimonja tal-lejla f’Andorra, iġorru l-bandiera Maltija.

Intant waqt laqgħa li saret aktar kmieni dalgħodu, f’Andorra, mid-Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti, Charlene Attar; tkellmet dwar l-objettivi ta’ Tim Malta għal dlin l-edizzjoni, ċioé dik li bħala riżultat jissupera l-aqwa prestazzjoni ta’ Malta f’dawn il-logħob meta saru barra minn pajjiżna. Sal-lum l-aqwa riżultat lil hinn minn xtutna kien miksub fl-edizzjoni tal-2011, f’Liechtenstein, meta ksibna total ta’ 27 midalja; tmien midalji tad-deheb, 12 tal-fidda u sebgħa tal-bronz.

Charlene Attard, Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti f’Andorra

Minn għada filgħodu, jibdew uffiċjalment l-impenji sportivi tal-kontinġent Malti.

It-tim Malti se jkun qed jieħu sehem f’dawn id-dixxiplini – Tennis, Table Tennis, Għawm, Ċikliżmu, Sparar, Ġinnastika Artistika, Ġinnastika Ritmika, Karate, Rugby 7s., Għawm Artistiku, Atletika u Basketball 3×3.

Fl-ewwel ġiurnata ta’ dawn il-logħob, l-ewwel dixxiplini skedati se jkunu dawk taċ-ċikliżmu, il-basketball 3×3, it-table tennis, l-għawm, l-atletika u t-tennis.

Matul dawn il-jiem il-pjatafformi kollha ta’ Net Media, inkluż in-news portal ta’ Net News, se jkun qed iwassal l-aħaħr aġġornamenti u riżultati mil-kamp ta’ tim Malta.