Lokali

Ministri Laburisti urtati għal Abela għax pretendew li jiddefendihom mill-attakki ta’ Neville Gafà u Karl Stagno Navarra

Il-ministri Roderick Galdes u Owen Bonnici huma l-iktar urtati għax skonthom dejjem kienu leali imma l-partit issa qed jarmihom

Deputati Laburisti qed igergru bejniethom li m’hemmx sapport u sostenn mit-tmexxija tal-partit, partikolarment Robert Abela, meta jiġu attakkati speċjalment internament u b’mod pubbliku.

Deputat Laburista li tkellem ma’ In-Nazzjon qalilna li “meta xi ħadd hemm barra jgħid nofs ta’ kelma jikkritika lit-tmexxija, Robert Abela jippretendi li kollha noħorġu niddefenduh, imma hu lanqas biss qed jerfa’ subgħajh iż-żgħir biex jiddefendi l-Ministri tiegħu minn attakki mill-bloggers estremisti tal-Partit Laburista stess.”

Il-Ministri Roderick Galdes u Owen Bonnici, li f’dawn l-aħħar jiem it-tnejn li huma spiċċaw fil-mira tal-bloggers estremisti tal-Partit Laburista, tkellmu apertament f’laqgħat li kien hemm din il-ġimgħa u wrew biċ-ċar li huma jippretendu li Robert Abela jiddefendihom pubblikament meta jispiċċaw taħt attakk b’mod pubbliku u b’mod li esprimewh ‘goff’ minn nies Laburisti stess għax skonthom ikunu qed jagħmlu “xogħolhom”.

Deputati oħrajn komplew magħhom u qalu li anki huma jippretendu li jkun hemm sapport, għax sostnew li wara li l-ewwel qabdu ma’ Galdes u issa ma’ Bonnici, eventwalment jispiċċaw huma wkoll fil-mira tal-bloggers estremisti Neville Gafà u Karl Stagno Navarra.

Wara li għamel ġimgħat sħaħ jikkritika bl-iktar mod ċar u apert lil Roderick Galdes u jgħid li Galdes ma kienx qed jgħin lin-nies apposta u li kien Ministru inkompetenti, issa kien imiss li Neville Gafà u Karl Stagno Navarra jdawru l-kanuni tagħhom lejn Owen Bonnici.

Neville Gafà ddeskriva lill-Ministru Bonnici bħala Ministru “maqbud mill-bajd minn Mark Camilleri” u li qed idejjaq lin-nies u jagħmel ħsara lill-Gvern Laburista. Gafà kompla jakkuża lill-Ministru Bonnici li kien qed iħallas minn flus il-poplu biex hu ma jiġix attakkat għax hemm stejjer u informazzjoni dwaru li kienu ħa joħorġu fil-beraħ. Dan wara li Mark Camilleri ngħata kuntratt ta’ €25,000 mill-Kunsill Malti għall-Arti. Gafà rrefera aktar minn darba għal Mark Camilleri bħala “terrorist psikoloġiku”.

Min-naħa tiegħu, Karl Stagno Navarra qal li Owen Bonnici – li huwa l-persuna li kemm Gafà u hu nnifsu qed isostnu li ta dan il-kuntratt lil Camilleri – għandu “jagħmel pjaċir lilu nnifsu u lill-partitarji tal-Partit Laburista u jwarrab minn postu llum qabel għada!”

Ħafna deputati li qed jitkellmu bejniethom li jippretendu li l-mexxej Laburista jiddefendi lill-Ministru Owen Bonnici, qed jibżgħu jitkellmu pubblikament għaliex ikunu qed jirriskjaw li l-estremisti tal-partit tagħhom Gafà u Stagno Navarra jagħmlulhom bħalma għamlu ma’ Galdes u issa Bonnici u jinqdew bil-midja soċjali biex idawru l-kanuni kontra tagħhom.

L-istess sorsi viċin il-Partit Laburista qalulna li donnu anki Robert Abela qed jirraġuna hekk, fis-sens li jippreferi jħalli lil dawn il-ministri jiġu attakkati, anki jekk pubblikament u b’mod goff, għax għalih ikun aħjar li l-kanuni jkunu ppuntati lejn il-ministri milli lejh innifsu.