Lokali Opinjoni

OPINJONI: Ejja niktbu storja ġdida flimkien

Wara tliet snin ta’ ħidma, viċin in-nies, fit-toroq, fil-komunitajiet, fil-postijiet tax-xogħol u fil-laqgħat mal-familji waqt house visits, il-PN illum qed jifhem id-diffikultajiet tiegħek iżjed minn qatt qabel

mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo
Shadow Minister għax-Xogħol

Bħala Deputat Parlamentari li kont hemm tul dan il-vjaġġ, nista’ ngħid bi kburija li dan huwa Partit li mhux biss sema’, imma fehem.
Fehem x’inhuma l-problemi veri tan-nies. Fehem li m’hemmx għalfejn nitkellmu iktar fuq kemm dan il-Gvern hu korrott għax għal kemm kollox importanti, in-nies illum bla dubju jafu, imma rridu ngħaddu għal soluzzjonijiet konkreti. U hekk qed nagħmlu.
Il-poplu ilu jara u jħoss dak li ħafna fil-politika ma ridux jammettu: il-kwalità tal-ħajja qed tonqos, il-prezzijiet ta’ kollox dejjem jogħlew, u l-fiduċja fil-politika qiegħda tiċkien. U għalhekk bħala Partit ħadna pass lura biex nismgħu, biex nifhmu u biex nipproponu u nwettqu. Li nużaw il-politika li kapaċi twassal għall-bidla vera, għal tama ġdida, għal Malta aktar ġusta.

Diskussjonijiet sinċieri
Il-proposti tagħna huma l-frott ta’ diskussjonijiet sinċieri mal-poplu, ma’ nies bħalek, b’realtà u b’viżjoni. Ma ħriġniex bil-proposti minn xi uffiċċju mgħotti bid-dokumenti biss. Ħriġna bihom wara laqgħat mal-familji, ħaddiema, studenti, anzjani u negozjanti. Għax aħna nafu x’inhu jweġġa’ lin-nies, u rajna x’jista’ jfejjaq.
Aħna ma nibżgħux nitkellmu dwar l-“elephant in the room” jiġifieri dwar dak li qed jiġri quddiem għajnejn kulħadd imma hemm min taparsi ma jafx. Għamilnieh fil-qasam tal-għoli tal-ħajja, fejn ipproponejna:
■ It-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA, biex il-ħaddiema jżommu aktar flus fil-but;
■ Krediti tat-taxxa għal intrapriżi biex jgħinu jassorbu l-ispejjeż li qed jiżdiedu u li inkella jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur;
■ Fond nazzjonali biex jindirizza pressjonijiet minn importazzjonijiet u inflazzjoni.

Qed nitkellmu fuq miżuri li jagħmlu differenza fil-but tan-nies. Għax ma jistax ikun li familji jkollhom jagħżlu bejn mediċina u ikel fuq il-mejda.
Ma jistax ikun li ħaddiem jaħdem over-time għax m’għandux għażla u xorta ma jilħaqx mal-għoli tal-ħajja. Għalhekk il-miżura tagħna biex inneħħu t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn xogħol part-time jew over-time hija pass f’direzzjoni ta’ ġustizzja. U se tgħin bis-serjetà lil dawk li llum m’għandhomx għażla oħra.

Sensiela ta’ proposti
Ma waqfniex hemm. F’pajjiż fejn ir-rata tat-twelid hi l-inqas fl-Unjoni Ewropea, il-PN ħareġ proposti kuraġġużi, u li huma fl-istess direzzjoni tal-esperti, għax nafu li dan ser jkollu effett diżastruż ’il quddiem jekk ma jsir xejn u allura ipproponejna:
■ Sena ta’ Maternity u Parental Leave mħallsa bir-rata tal-paga medja, għal kulħadd inkluż għas-self-employed;
■ Żieda fil-Paternity Leave għal kulħadd;
■ Inċentivi fiskali għall-impriżi li joffru xogħol remot u flessibbli.

Dawn huma miżuri li mhux biss jindirizzaw problema soċjali serja, imma jġibu wkoll titjib reali fil-ħajja ta’ kuljum. Kif tistgħu tippjanaw futur jekk l-Istat ma jkunx magħkom fl-ewwel u l-aktar fażi importanti tal-ħajja ta’ wildkom?
Il-PN irid li kulħadd jgħix aħjar. U rridu dan mhux bil-kliem, imma bil-fatti. Għalhekk ippreżentajna wkoll żewġ Private Members’ Bills biex jiġu indirizzati l-fastidju sesswali u l-bullying fil-post tax-xogħol. Għax aħna nemmnu li kull ħaddiem għandu dritt għal ambjent ta’ rispett u sigurtà, u nafu li problemi fix-xogħol mhux biss jeżistu imma qed jiżdiedu, li wkoll jista’ jwassal “work related stress” u problemi ta’ saħħa mentali.
Il-proposti tagħna dwar il-konnetività bejn Malta u Għawdex jinkludu studju serju dwar il-kif nistghu intejbuh u kif nistgħu nġibu fondi Ewropej għal flotta ġdida. Hemm bżonn pjanijiet serji b’appoġġ finanzjarju konkret.

Ekonomija maħsuba fuq il-valur miżjud
Il-viżjoni ekonomika tagħna, imnedija sentejn ilu taħseb għal ekonomija bażata fuq setturi ta’ valur miżjud bħall-marittimu, it-teknoloġija, u s-servizzi professjonali. U għalhekk irridu li l-ħaddiema tagħna jiġu mogħtija t-taħriġ u l-għodod li għandhom bżonn biex jirnexxu. Għax aħna nemmnu li l-ħaddiema għandhom jiġu rikonoxxuti bħala l-mutur tal-pajjiż, u l-aqwa investiment li nisgħu nagħmlu huwa fikom.
Il-PN ma jipprovax ibellagħlek li kollox jista’ jinbidel mil-lum għal għada. Aħna mhux qed nippruvaw niftaħru. Qegħdin ngħidu l-verità. Dak li nistgħu nagħmlu, u dak li rridu nagħmlu. Dan mhux biss diskors politiku, dan huwa wegħda li qed naħdmu biex inwettqu.
Għax il-verità hi li l-poplu għejja. Għejja jisma’ stejjer ta’ korruzzjoni, li ma jsir xejn fuqhom, u l-ispejjeż li qed joħonqu l-investiment biex ngħinu iżjed, u nikreaw miżuri biex taqla’ iżjed. Għejja mill-arroganza, mill-wegħdi vojta u minn kultura ta’ nuqqas ta’ kontabbiltà. Nies li qed jaħdmu qatigħ, imma jibqgħu lura. Żgħażagħ li qed jaħsbu biex jitilqu minn pajjiżna. Ħaddiema li jgħaddu ġranet f’tensjoni għax mhux ċerti mill-futur tagħhom.
Wasal iż-żmien li l-poplu jibda jisma’ storja ġdida. Storja ta’ tama, ta’ sens, ta’ impenn. Storja fejn min hu fil-politika jaf x’inhuma l-problemi, imma fuq kollox jaf ukoll x’inhuma s-soluzzjonijiet. U aħna lesti noffru dawn is-soluzzjonijiet, mhux għax għandna xi formula maġika, imma għax għandna r-rieda, il-kapaċità u fuq kollox, għax qed naħdmu għalikom.
Dak hu l-PN. Partit li jrid jagħmel differenza. Partit li jrid jara li f’Malta u Għawdex tagħna jkollna ġustizzja, drittijiet, u fuq kollox, kwalità ta’ ħajja. Għax l-għan tagħna hu wieħed ċar: li inti tgħix aħjar, tħoss aktar serħan, u jkollok aktar opportunitajiet għalik u għal uliedek.

Iva… it-tama qegħda hemm
Għax le, mhux kollox mitluf. Għax iva, hawn it-tama. Għax għandna nies kapaċi. Għax hemm pjan. Għax hemm viżjoni. U għax għandna Partit li tassew jemmen li l-politika għandha tkun servizz, mhux tisserva għall-poter.
U jekk irridu nibnu futur aħjar, irridu nibdew illum. U aħna lesti. Aħna nistidnuk biex nibdew dan il-vjaġġ flimkien, b’ċertezza, b’għaqal, u b’dedikazzjoni totali.
Il-PN, mhux biss lest, imma kapaċi, kapaċi għax int tkun magħna f’dan il-vjaġġ, għax int tkun parti minn dan il-vjaġġ. Mhux għax aħna għandna xi dritt divin imma għax illum iżjed minn qatt qabel nafu li int tixtieq li l-affarijiet jinbidlu, għax int ma tridx partit ieħor photocopy ta’ dak li hemm issa. Għax Malta jistħoqqilha ħafna aktar u ħafna aħjar.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Mejju, 2025.