minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
Malta biss fl-UE mhux imsieħba fil-PESCO
X’inhi l-PESCO? Din hi l-Istruttura Permanenti ta’ Koperazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea b’konnessjoni mal-policy tagħha fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża. Toffri qafas legali biex il-pajjiżi msieħba jaqsmu bejniethom proġetti ħalli l-forzi armati tagħhom ikunu dejjem aktar preparati għal dak li jista’ jinqala’. Ċertament, iżda, dan l-arranġament mhux ‘l-armata tal-UE’.
Il-pajjiżi kollha tal-UE huma msieħba fil-PESCO ħlief Malta li, meta kienet stabbilita, il-PM ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, kien stqarr li pajjiżna kien se jistenna biex jara kif din se tiżviluppa u, fl-istess ħin, jekk tali sħubija kinetx tikkomprometti n-newtralità tagħna. Dan kien fl-2017… aktar minn seba’ snin ilu.
Minn dak iż-żmien, il-pajjiżi l-oħra Ewropej, li huma (jew kienu) newtrali, fosthom l-Awstrija u l-Irlanda, issieħbu fil-PESCO u magħhom daħlet ukoll id-Danimarka li, fil-bidu nett, ma kinetx issieħbet.
■ Fi Frar li għadda, il-PM Robert Abela kien semma li Malta għandha tikkunsidra mill-ġdid l-interpretazzjoni tradizzjonali tan-newtralità tagħha. Ħafna ħasbu li dak kien pass ’il quddiem
biex is-sigurtà u d-difiża ta’ Malta jitpoġġew fuq nett tal-aġenda, fosthom billi sa fl-aħħar pajjiżna
ma jibqax iżolat fl-UE dwar is-sħubija fil-PESCO.
Mhux talli ma ġarax hekk talli minn dakinhar ’l hawn l-istess Robert Abela għamel kwantità ta’
stqarrijiet konfliġġenti u bħal donnu mar lura minn dik il-pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni
tan-newtralità.
L-aktar każ riċenti – dak tal-vapur Conscience, li kien qed iġorr għajnuna umanitarja fi triqtu lejn
Gaża u kien attakkat bi drones, preċiz preċiż fil-konfini tal-ibħra territorjali Maltin – reġa’ fetaħ
beraħ il-vulnerabbiltà ta’ fejn tidħol is-sigurtà u d-difiża tagħha.
Sħubija IMMEDJATA fil-PESCO tista’ tkun pass fid-direzzjoni biex Malta tibda tnaqqas din
il-vulnerabbiltà… inkella tassew il-poplu Malti jkompli jistaqsi lilu nnifsu jekk din in-newtralità
mitkuba fil-Kostituzzjoni hix taqdina jew tillimitalna l-ħtiġiet nazzjonali fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża ta’ pajjiżna.

L-Iżvizzera se tieħu sehem fi programm tal-PESCO minkejja l-famuża newtralità
L-Iżvizzera hi l-pajjiż bl-eqdem politika ta’ newtralità fid-dinja u hu fatt storiku li qatt ma ħadet sehem f’xi gwerra mindu din il-politika kienet stabbilita permezz tat-Trattat ta’ Pariġi fl-1815. Mhux ta’ b’xejn, għaldaqstant, li l-Iżvizzera hi kunsidrata bħala l-pajjiż ‘newtrali’ pereċċellenza.
Bħala riżultat ta’ din in-newtralità, l-Iżvizzera mhix imsieħba fin-NATO. Fl-istess ħin, minn jeddha għażlet li ma tisseħibx fl-Unjoni Ewropea.
Madankollu, meta fl-2022 l-organizzazzjoni Europe Elects għamlet stħarriġ tal-opinjoni pubblika li fih staqsiet jekk l-Iżvizzera għandhiex tissieħeb fl-Istruttura Permanenti ta’ Koperazzjoni (PESCO), 57 fil-mija wieġbu ‘iva’ u 43 fil-mija biss qalu ‘le’.
Minkejja n-newtralità tagħha, l-Iżvizzera għandha armata tagħha, effiċjenti u lesta biex tassigura d-difiża tagħha u s-sigurtà interna. Meta fl-aħħar żminijiet beda jberraq sew fl-Ewropa bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna, xi ħaġa beda jiċċaqlaq anki fl-Iżvizzera.
F’Awwissu tas-sena l-oħra, il-Kunsill Federali (il-Gvern ċentrali) tal-Iżvizzera, approva l-parteċipazzjoni tal-pajjiż f’żewġ proġetti partikulari tal-PESCO – wieħed dwar il-mobbiltà militari, u l-ieħor dwar id-difiża ċibernetika – li joffri opportunità ta’ koperazzjoni bejn id-diversi forzi armati. Il-Gvern Żvizzeru qal li “tali sħubija ssaħħaħ il-kapaċità ta’ difiża ta’ pajjiżna.”
F’Jannar li għadda, l-Unjoni Ewropea approvat is-sħubija tal-Iżvizzera f’dawn iż-żewġ proġetti militari wara li ddikjarat li l-Iżvizzera tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ sħubija bħal din waqt li żżid b’mod sinifikanti l-valur ta’dawn il-proġetti.
Ta’ min jgħid li flimkien mal-pajjiżi kollha tal-UE –ħlief Malta – fil-PESCO hemm ukoll il-Kanada, in-Norveġja u l-Istati Uniti, filwaqt li r-Renju Unit jinsab fil-proċess ta’ negozjati.

Li ma nidħlux fil-PESCO mhux fl-interess tas-sigurtà u d-difiża ta’ pajjiżna
– Il-Kurunell David Attard
Il-Kurunell David Attard hu kunsidrat bħala wieħed mil-aktar esperti awtorevoli dwar is-sigurtà u d-difiża ta’ pajjiżna.
Hu kien id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati Maltin (FAM) bejn l-2010 u l-2013 b’karriera
li, fost l-oħrajn, ħaditu f’perjodi ta’ studju f’kulleġġi militari fl-Italja u fl-Istati Uniti.
Kien ukoll imexxi s-‘C’ Special Duties Company, il-forza ewlenija fi ħdan il-FAM u għamel ukoll żmien iservi fid-Direttorat tad-Difiża fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F’kelma waħda altru li hu kwalifikat biex jikkummenta dwar l-oqsma tas-sigurtà u d-difiża ta’ Malta.
F’diversi okkażjonijiet, il-Kurunell Attard ikkummenta dwar il-policy ta’ Malta li ma tiħux sehem fl-Istruttura Permanenti ta’ Koperazzjoni (PESCO). Fil-Malta Today tat-3 ta’ Marzu 2023, hu kien kwotat
jgħid li “mhux fl-aqwa interess ta’ Malta li tibqa’ barra mill-PESCO”.
Hu qal li mhux il-proġetti kollha tal-PESCO jista’ jkollhom rilevanza għal Malta u għall-forżi armati tagħha iżda n-non parteċipazzjoni totali tagħna tista’ tkun kunsidrata bħala ‘indifferenza’.
Fl-istess ħin, il-Kurunell Attard innota li l-invażjoni tal-Ukrajna kkonfermat il-ħtieġa li s-sigurtà u d-difiża Ewropea jissaħħu dejjem aktar.
F’artiklu aktar riċenti, fi Frar li għadda fit-Times of Malta, il-Kurunell David Attard għamel l-argument li
Malta jeħtieġ li terġa’ taħseb dwar id-difiża u s-sigurtà tagħha biex tassigura li n-newtralità tagħha mhix biss rispettata iżda wkoll tkun waħda effettiva f’dinja li qed issir dejjem aktar perikoluża u mhix prevedibbli.
Fiċ-ċirkostanzi kollha, kif żviluppaw partikolarment fl-Ewropa fl-aħħar żminijiet, hu issa l-mument propizju li Malta tagħmel il-pass loġiku li jmiss billi tissieħeb fi programm tal-PESCO.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 26 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>