Opinjoni

OPINJONI: Tmexxija falza

minn Bernard Grech
Il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista

F’dawn il-jiem il-Partit Nazzjonalista wera solidarjetà sħiħa mal-poplu ta’ Ħal Għargħur u wera s-sapport tiegħu għall-prinċipji demokrattiċi li tant jemmnu fihom.
Għaliex aħna nemmnu li r-rieda tar-residenti għandha tiġi rispettata għax mhux aċċettabbli dak li ġara fir-raħal ta’ Ħal Għargħur.
Il-poplu qiegħed jgħid le għall-arrroganza u n-nuqqas ta’ rispett u li wassal biex il-Partit Laburista mingħalih li jista’ – kontra r-rieda tan-nies u r-residenti – jisraq il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur.
Il-fatti huma ċari. Ħadd ma jista’ jmeri dak li hu magħruf. Il-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar elezzjoni, f’Ġunju li għadda, ġab kważi żewġ terzi tal-voti fl-elezzjoni tal-Kunsill.
Helen Gauci, li tneħħiet minn Sindku bl-iktar mod antidemokratiku, ġabet iktar voti mit-tliet Kunsillieri li vvutaw biex ineħħuha kollha f’daqqa.
Minkejja dan kollu, mingħalihom li jistgħu jmexxu kontra r-rieda tan-nies. Din mhux kwistjoni sempliċiment ta’ Ħal Għargħur. Din hi kwistjoni li taffettwa l-pajjiż kollu, għax turi l-mentalità li għandu l-Partit Laburista li mingħalih li jista’ jagħmel li jrid, anke meta jaf li m’għandux is-sapport tan-nies.
Aħna l-messaġġ tagħna huwa ċar, jekk taħsbu li r-residenti jaqblu ma’ dak li għamiltu, mela sejħu elezzjoni għall-Kunsill ta’ Ħal Għargħur mill-ġdid.
Ejjew nistaqsu lir-residenti x’jaħsbu u jgħidulna r-residenti stess lil min iridu li jmexxi din il-lokalità. Jekk le, it-tmexxija l-ġdida tal-Kunsill Lokali Ħal Għargħur se tkun waħda illeġittima.
Aħna nemmnu fin-nies, nemmnu li huma kapaċi jagħmlu l-għażliet li hemm bżonn u għalhekk għandhom ikunu huma li jiddeċiedu min imexxi l-Kunsill Lokali tagħhom.
Min imexxi ma jiġix deċiż kontra r-rieda tan-nies, imma għandu jiġi magħżul min-nies. Ma tistax tgħid li tirrispetta lill-poplu u fl-istess nifs tieħu l-poter minn taħt idejh.
Robert Abela, jekk verament jemmen fid-demokrazija, għandu obbligu li jara li dan iseħħ għax id-demokrazija ma nemmnux fiha biss meta jaqblilna, imma għandna nemmnu fiha u nipprattikawha dejjem u kullimkien.
Il-problema li Robert Abela hi li aktar moħħu biex jara kif se jisraq il-Kunsill Lokali Ħal Għargħur biex taparsi jżid in-numri tal-Partit Laburista milli biex jindirizza l-problemi tan-nies.

Jimmanuvra biex jisraq it-tmexxija tal-Kunsill
Waqt li Robert Ablea kien qed jimmanuvra biex jisraq il-Kunsill mingħand ir-residenti ta’ Ħal Għargħur, il-Gvern spiċċa kellu jammetti li r-rata li biha qed tiżdied il-ħajja kompliet togħla.U x’għamel Robert Abela? Xejn.
Għax kien iktar moħħu kif se jisraq il-Kunsill lokali Ħal Għargħur milli biex jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin. Kien iktar moħħu kif se jisraq il-Kunsill Lokali Ħal Għargħur milli kif se jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin.
Rajna wkoll fil-jiem li għaddew kif Robert Abela kien aktar moħħu biex jilgħabha tal-Qorti u jiddeċiedi min min-nies tiegħu hu innoċenti, milli moħħu fl-interessi tan-nies.
Hekk qed jagħmel fil-każ tal-MEP Laburista Daniel Attard, li qed jiġi investigat mill-Pulizija Belġjana b’rabta mal-iskandlu ta’ tixħim tal-Huawei – fejn Robert Abela diġà ddeċieda li hu innoċenti.
U hekk għamel fil-każ ta’ Ronald Mizzi, li minkejja li għadu għaddej proċeduri fil-Qorti b’rabta mal-iskandlu tal-Vitals u Steward, Robert Abela wkoll iddeċieda li huwa innoċenti, u reġa’ ħatru Segretarju Parlamentari!
U issa qed narawh qed jigdeb ukoll dwar l-emendi kostituzzjonali. Wara li ħabbarna l-pożizzjoni tal-Grupp Parlamentari tagħna li aħna favur riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni, u mhux bil-biċċiet, ħareġ jgħid li esprimejna xi qbil mal-emendi li ppropona hu.
Dan hu Gvern li jigdeb minflok jersaq ’il quddiem għal diskussjonijiet fi proċess komprensiv u strutturat ta’ riforma sħiħa tal-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna, immexxi u ggwidat mill-President ta’ Malta, kif qed nipproponulu li jagħmel.
X’differenza, il-Partit Nazzjonalista iffukat biex filwaqt li jiddefendi d-demokrazija tagħna lkoll. Filwaqt li jieħu l-mizuri biex affarijiet bhal dawn ma jiġrux u ma jerġgħux jiġru, aħna qed noffru wkoll is-soluzzjonijiet biex ngħinu lin-nies.
Però għall-Partit Laburista, sfortunatament din kollha saret logħba, il-poter m’għadux għodda biex ngħinu lin-nies, imma għall-Partit Laburista sar qisu logħba fejn ma jinteressahomx minn x’jaħsbu u mill-interessi tar-residenti imma jinteressahom biss li jisirqu l-poter mingħand in-nies.
Se nkun ċar, il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien, għadu u se jibqa’ jkun it-tarka tad-demokrazija f’pajjiżna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Mejju, 2025