Lokali

Robert Abela m’għandux ikompli jagħlaq għajnejh għat-traġedja umana f’Gaza – PN

Għandu jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan illum, mhux xahar ieħor

Robert Abela kien korrett meta qal li m’għandniex inkomplu nagħlqu għajnejna għat-traġedja umana li qed isseħħ ta’ kuljum f’Gaza.

U allura wieħed ma jifhimx ir-raġunar tal-istess Abela meta jgħid li se jirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat xahar ieħor.

Ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea, filwaqt li laqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar tal-bieraħ li sa fl-aħħar Robert Abela issa qed jaqbel u se jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan, qalu fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista jfakkar li ilu ħafna jinsisti mal-Gvern biex jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina, imma Robert Abela baqa’ jwebbes rasu u jgħid li mhux il-ħin opportun.

Issa fl-aħħar sigħat jidher li bidel fehemtu u ddikjara li se jkun qed jirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat, imma xorta se jistenna xahar biex jagħmel dan.

Minkejja li Robert Abela kellu jċedi għall-pressjoni, jidher ċar li xi ħadd qed jorbotlu jdejh, bir-riżultat li l-Prim Ministru Malti qed jibqa’ jkaxkar saqajh u jġebbed kemm jiflaħ.

Robert Abela stess irrikonoxxa li f’Gaza qed isseħħ traġedja umana kuljum. Għaldaqstant issa għandu jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jirrikonoxxi l-istat Palestinjan illum qabel għada.