Għar Gerduf f’Kerċem, Għawdex, jinstab fi stat ħażin ħafna ta’ preservazzjoni u f’riskju ta’ kollass strutturali imminenti.
Bħalissa, minħabba l-istat ħażin li jinsab fih, qed issir analiżi ġeoloġika dettaljata mill-ġeologu inkarigat dwar dan il-proġett u li rrakkomanda l-installazzjoni ta’ appoġġ temporanju biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sit, inkluż ilqugħ fuq il-pilastru tal-Lvant magħmul minn blokok tal-konkos, struts temporanji tal-azzar biex isostnu s-sezzjoni ta’ quddiem, u t-twaqqif ta’ scaffolding fl-għar biex tinħoloq sistema ta’ lqugħ.
L-istat ħażin ta’ dan il-katakombi f’Kerċem kien ikkofermat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Jirriżulta wkoll li ħarġet sejħa għall-offerti b’valur ta’ €36,723.00. S’issa l-kuntrattur diġà bena l-bażi tal-konkos u waqqaf il-blokok tal-konkos biex jifforma l-ilqugħ tal-pilastru. Ix-xogħlijiet l-oħra mistennija li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Fil-Parlamet, Chris Said staqsa wkoll dwar l-Għar ta’ Calypso, fix-Xagħra, u staqsa lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar li fid-dawl li ż-żewġ Ministri ta’ Għawdex preċedenti kemm-il darba ddikjaraw li x-xogħol fuq l-Għar ta’ Calypso kien wasal biex jibda u li dan dalwaqt se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku, fiex wasal dan il-proġett peress li dan ilu magħluq għal diversi snin minħabba li parti minnu kienet ċediet u jgħid ukoll xi progress sar f’dawn l-aħħar tnax-il xahar u meta eventwalment se jibda x-xogħol meħtieġ.
Il-Ministru Camilleri wieġeb li fir-rigward ta’ Għar ta’ Calypso, fix-Xagħra, dalwaqt se toħroġ it-tender għal geological investigations.
Mit-tweġiba fil-Parlament, għaldaqstant jirriżulta li minkejja d-dikarazzjonijiet tal-ministri ta’ qablu, l-Għar ta’ Calypso baqa’ fl-istess stat – magħluq għall-pubbliku.
//= $special ?>