L-MEP Laburista Daniel Attard għażel li jkompli jinħeba wara l-investigazzjoni li għaddejja mill-Pulizija Belġjana meta mistoqsi minn Net News jekk il-Pulizija hux qed iżeffnuh fin-nofs għalxejn.
Ftit tal-jiem ilu ġie żvelat li l-Pulizija Belġjana kisbet recordings mill-VIP box tal-istadium fejn mar Daniel Attard jara partita futbol. Għalkemm dan l-iskandlu jmur lil hinn minn semplici logħba.
L-MEP tal-Labour jibqa’ ma jindirizzax il-ħafna dubji li qamu fl-aħħar jiem dwar il-mod kif aġixxa, tliet xhur biss wara li kien elett fil-Parlament Ewropew.
Din kienet l-ewwel okkażjoni li fiha l-MEP Laburista ġie affaċċjat bid-domandi tal-ġrunalisti.
Interessanti wkoll il-fatt li mill-jum li fih sploda dan l-iskandlu, l-MEP Laburista Thomas Bajada baqa’ ma lissen l-ebda kelma biex jiddefendi lill-kollega tiegħu.
Wara li ħareġ mill-Parlament, flimkien ma’ delegazzjoni Ewropea… u mdawwar b’żewġ Ministri tal-Gvern, Daniel Attard irrifjuta li jwieġeb l-aktar domanda importanti: x’ġie diskuss fil-laqgħa mar-rappreżentanti tal-Huawei. U għaliex aċċetta li ssir din il-laqgħa.
Iżda anke hawn, Attard prova jsib refuġju fin-nies ta’ madwaru. Fosthom id-Delegat Speċjali tal-Labour, Jason Micallef; li huwa parti mill-klikka estremista tal-Labour magħmula minn Karl Stagno Navarra, Neville Gafà u oħrajn.
Daniel Attard qed ikun investigat mill-Pulizija tal-kapitali Belġjana minħabba l-possibbiltà li seta’ kien hemm attentat ta’ influwenza politika. Tant li kienu l-investigaturi stess li talbu li titneħħielu l-immunità Parlamentari li għandu bħala MEP.
//= $special ?>