Lokali Qorti

Tinżamm arrestata wara li ġiet mixlija li serqet flus u mobile minn ħanut tal-pastizzi

Mara ta’ 36 sena residenti l-Fgura, li qalet li taħdem għar rasha, inżammet arrestata wara li ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Victor George Axiak li nhar is-Sibt li għadda serqet €80 fi flus kontanti u mobile minn ħanut tal-pastizzi, fil-Ħamrun.

Il-prosekuzzjoni qalet li Milena Debono marret fil-ħanut li jinsab fi Triq il-Kbira San Ġużepp għall-ħabta tal-4pm biex tixtri pizza imma ma kellhiex flus biżżejjed. Meta l-impjegata tal-ħanut ħaditilha l-pizza lura, allegatament l-akkużat daħlet fejn il-‘cash register’ u serqet il-flus u l-mobile li jiswa’ €90.

Il-mara assistita minn interpetu fil-lingwa tas-sinjali wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. Il-prosekuzzjoni qalet li l-ħaddiema ppruvat twaqqaf lill-akkużata, tant li qabditha mill-‘hand bag’ u dak il-ħin waqatilha l-karta tal-identita.

Meta marru l-Pulizija hija għarfet lil Milenda Debono, bħala l-persuna li ħadet l-affarijiet. L-Avukat Rachel Tua li dehret għall-akkużata, talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni topponi bil-qawwa kollha t-talba. Dan minħabba l-karattru rafrettarju tagħha, il-kondotta allarmanti u li minkejja l-età tagħha, tinsab fuq żewġ każijiet oħra li tagħhom ingħatat il-ħelsien mill-arrest, ingħatat probation u sentenza sospiża f’kawżi oħrajn.

L-Avukat Tua qalet li Debono għadha preżunta innoċenti u li fl-awla numru wieħed fejn instema’ l-każ kien hemm preżenti ommha li lesta tagħmel tajjeb għaliha. Qalet ukoll li l-prosekuzzjoni b’dak li qalet iddikjarata bħala ħatja u li l-Qorti tista’ tagħti l-garanziji iebsa f’każ li tikser xi waħda minnhom, fejn hemm piena wkoll ta’ ħabs jekk dan jiġri.

Il-prosekuzzjoni qalet li mhux qed tiddikjara l-ħtija tagħha imma l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi teżisti għax hemm xhud li rat dak kollu li kien qed isir fil-ħanut. Il-Qorti qablet mat-teżi tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-pleġġ minħabba li mhux ta’ min jafdha u li ma tagħtix il-garanziji li tista’ toqgħod mal-ordnijiet tal-Qorti.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Elisia Scicluna. Għal Debono dehret l-Avukat Rachel Tua.