Raġel ta’ 50 sena mill-Belt Valletta li qal li ma jaħdimx u li għandu problema akuta ta’ droga ġie kundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li seraq minn 10 karozzi. Minkejja li l-Qorti wissiet lil Ivan Galea biex jerġa’ jaħsiba dwar l-ammissjoni tiegħu fi stadju bikri tal-proċeduri għax il-piena hi waħda karċerarja, anke fid-dawl tal-fatt li huwa riċediv, huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Galea ammetta t-30 akkuża li ġie mixli bihom – dik li wettaq is-serqiet fl-20 ta’ Mejju li għadda u qabel minn diversi toroq fil-Belt u l-Floriana u li minbarra s-serq għamel ħsara fl-karozzi li seraq minnhom. Fost l-oġġetti li seraq kien hemm għadd ta’ radio’s, laptop, ħwejjeġ, ċwievet, passaport u xi dokumenti oħra.
Il-prosekuzjoni qalet li kien hemm persuna li ġibdet filmat ta’ Galea jisraq minn xi karozzi iżda l-filmat ma kienx wieħed ċar għax kien meħud mill-bogħod. Madankoll filmat tas-CCTV fejn hemm il-“Breast Screening Unit” wera biċ-ċar min kienet il-persuna li bdiet tisraq.
Sadanittant ammetta wkoll li wettaq serq aggravat u li sar riċediv b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-prosekuzzjoni qalet li fis-16 ta’ April li għadda Galea ħareġ mill-ħabs u sab ruħu waħdu u li minħabba l-vizzju tad-droga reġa’ spiċċa jisraq.
Meta saret it-tratazzjoni dwar il-piena l-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Jeffrey Rizzo f’isem il-prosekuzzjoni qalu li marru jfittxu fid-dar ta’ Galea u hemm sabu l-oġġetti misruqa li ġew ritornati lill-vittmi.
Waqt it-tratazzjoni għall-piena l-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-ħati għandu jiġi kundannat tliet snin priġunerija effettiva u tkun imposta fuqu ordni ta’ trattament biex jgħeleb il-vizzju mid-droga. Ingħad ukoll li fil-passat diġa’ kien hemm ordni bħal din u li hu kien qed jiġi segwit minn uffiċjal tal-probation, imma sfortunatament reġa’ waqa’ għall-vizzju.
L-Avukat Ingrid Zammit Young li dehret għall-akkużat bħala avukat tal-għajnuna legali qablet mat-teżi tal-prosekuzzjoni dwar il-piena u t-trattament li għandu jingħata minħabba l-vizzju tad-droga. Wara li semgħet il-partijiet, il-Qorti qalet li għalkemm mhux obbligata li tagħti widen għal din ix-xewqa fuq il-piena, qalet li se tkun qed tilqa’ t-talba.
Fuq ammissjoni tiegħu stess il-Maġistrat Victor Axiak ikkundanna lil Galea għal tliet snin ħabs u trattament għall-istess terminu ta’ żmien. “Nawgualek iddawwar il-folja u moħħok hemm u isma mill-uffiċjal tal-probation”, kienu l-aħħar kliem tal-Qorti qabel mal-ħati ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
//= $special ?>