Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri kkundannat eks kapillan – 20 xahar ħabs wara li kkonfermat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitu li kkorrompa minuri, liema tfajla tiġi n-neputija tas-sagristan. Il-każ kien seħħ fis-16 ta’ Ġunju tal-2017 u fix-xhur ta’ qabel.
Madankollu s-saċerdot li ismu u r-raħal ta’ fejn kien kapillan ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti, anke biex tiġi protetta l-identità tal-minuri kien ġie kkundannat tliet snin u nofs mill-ewwel Qorti minħabba li kienet sabitu ħati li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mat-tifla. Madankollu l-Qorti tal-Appell ma qablitx li għandu jinstab ħati ta’ din l-akkuża.
Il-Qorti qieset il-fatt li l-akkużat meta kien saċerdot kellu pożizzjoni ta’ fiduċja u li din huwa abbuża minnha. L-appell kien ġie ppreżentat fis-26 ta’ Marzu 2025 fejn huwa talab lill-Qorti sabiex: “jogħġobha tirrevoka s-sentenza appellata u tilliberah minn kull ħtija u piena, jew, alternattivament tvarjaha.
Mill-provi ħareġ li l-appellant kien kappillan tar-raħal, u li t-tfajla kienet tiġi n-neputija tas-sagristan. Jidher li fil-familja tal-vittma kien hemm xi problemi ta’ separazzjoni u hija kienet tmur tkellem lill-nannuha.
Minħabba li dan kellu xi problemi ta’ saħħa l-eks saċerdot offra li jisma l-problemi tat-tifla. Wara xi ftit żmien żviluppat ħbiberija bejn it-tfajla u s-saċerdot sakemm meta kellha ftit aktar minn 15 -il sena tat bewsa fuq xufftejn lis-saċerdot.
Għal dan l-avveniment l-eks saċerdot qal li kienet twieldet relazzjoni bejn it-tnejn. liema relazzjoni kkumplikat ruħha meta hu pprova jwaqqafha. F’dak il-mument it-tfajla bdiet thedded lis-saċerdot u dan għax hi ma riditx li r-relazzjoni tispiċċa sakemm fl-aħħar, minħabba li tgħid li ħasset li kienet ġiet użata, irrappurtat lis-saċerdot lill-Kurja, li minn naħa tagħhom mexxew ir-rapport għand il-Pulizija.
Eventwalment l-imputat tressaq quddiem l-Ewwel Qorti taħt arrest. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti korrettament qieset li x-xiehda tiegħu u l-istqarrijiet tiegħu kellhom jitqiesu bħala prova kruċjali. L-Ewwel Qorti qalet li l-istqarrija tikkorrobora perfettament dak li qalet il-parte civile u turi biċ-ċar li hu “ammetta” li kien ikkorrompa lill-parte civile.
Huwa tenna li l-osservazzjonijiet tal-Ewwel Qorti juru s-segwenti tliet fatturi: li l-Ewwel Qorti aċċettat li meta l-parte civile kellha 15-il sena, l-unika att kommess bejnha u bejnu kienet bewsa. L-Ewwel Qorti kkonstatat li l-verżjoni tat-tfajla ġiet korroborata minnu b’dan li l-eks saċerdot jisħaq li huwa “ammetta” biss fatti li seħħew wara li l-parte civile għalqet 16-il sena. Sadanittant l-Ewwel Qorti sabitu ħati ta’ atti li seħħew wara li l-parte civile għalqet l-eta’ ta’ 17 -il sena.
L-appellant jargumenta li l-akkużi dedotti kontra tiegħu jirreferu għal perjodu mis-16 ta’ Ġunju 2017 u x-xhur ta’ qabel u għalhekk ma jinkludux fatti li seħħew konsenswalment wara dan il-perjodu. Qal li bewsa fuq ix-xufftejn, konsenwali, la tikkostitwixxi r-reat ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u lanqas dik ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali.
L-appellant tenna li l-fatti kif espressi fl-akkużi seħħew meta l-parte civile kellha 15-il sena u fil-ġurnata li għalqet is-16- il sena. Huwa lmenta li dik il-parti tas-sentenza appellata fejn l-Ewwel Qorti kkunsidrat li kien hemm sensiela ta’ atti li baqgħu jseħħu sakemm il-parte civile 17-il sena turi li huwa nstab ħati ta’ fatti li ma kienux koperti mill-imputazzjonijiet.
Saħaq li minħabba f’hekk kellu jkun liberat mill-akkużi addebitati fil-konfront tiegħu. Il-Qorti tal-Appell qalet li tqis li l-akkużat għandu jinsab ħati biss tal-ewwel akkuża. L-Ewwel Qorti sabitu ħati ta’ fatti li seħħew meta l-parte civile kellha 17-il sena.
Mix-xiehda mogħtija mill-appellant quddiem l-Ewwel Qorti, hu spjega li bejn Jannar u Frar kien hemm sitt inkontri u li f’dawn l-inkontri ta’ attività amoruża kienet limitata biss għal bews. Meta l-appellant ġie mistoqsi jgħid jekk kienx hemm attivita’ oħra huwa wieġeb li ma kienx hemm attivita’ oħra għajr bews. Għalhekk jirriżulta li dan ma kienx każ ta’ bewsa iżolata.
Illi fix-xiehda mogħtija minnha, it-tfajla ssemmi wkoll li xi ġranet wara l-ewwel bewsa hija kienet marret fil-knisja parrokkjali u kien hemm sitwazzjoni fejn allegatament is-saċerdot mess il-partijiet intimi tagħha. Huwa ċaħad dan kollu.
Dwar dan din il-Qorti tirrimarka li għalkemm sabet riskontru tiegħu fiċ-chats – pero’ fl-istess waqt jiġi nnutat li l-parte civile qalet biss dak li għadu kemm ingħad meta r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet inkisret b’dan illi fl-istess chats l-appellant jiċħad tali avveniment.
Il-Qorti tal-Appell qalet li tqis li b’din l-istorja l-parte civile kienet qed tipprova torbot lill-appellant magħha fit-tentattiv sabiex iżżomm ħajja r-relazzjoni. Il-Qorti tinnota li l-liġi nbidlet b’mod li l-protezzjoni li hija tagħti hija limitata għal persuni taħt l-eta’ ta’ 16-il sena.
Tenut kont ta’ dan jirriżulta li l-imġieba u l-azzjonijiet li l-appellant għamel mal-parte civile b’mod partikolari mis-16 ta’ Ġunju 2017 ‘il quddiem, u ċioè minn meta hija għalqet l-età ta’ 16-il sena ma għadhomx jikkonfiguraw bħala reat.
L-appellant qal li l-Ewwel Qorti setgħet timponi piena aktar idonea bħal Ordni ta’ Probation jew xogħol fil-komunità. Il-Qorti tinnota li meħud in konsiderazzjoni tal-fatt li hija se tillibera lill-appellant mit-tieni akkuża b’hekk isegwi li għandu jkun hemm bidla fil-piena.
Meta l-Qorti tal-appell qieset l-fatturi li l-appellant semma fejn huwa qal li dawn il-fatturi għandhom jimmilitaw kontra piena ta’ priġunerija effettiva pero’ fl-istess waqt, il-Qorti tal-Appell qalet li ma tistax ma tqiesx ukoll il-fiduċja li s-soċjetà torbot ma’ saċerdot u r-rwol ta’ kappillan f’raħal, liema fiduċja ġiet traduta.
Minħabba dan, din il-Qorti ma tarax li f’dan il-każ għandha tagħti piena alternattiva bħal dik ta’ Ordni ta’ Probation jew servizz fil-komunita’. Għall-istess raġuni gravi msemmija, il-Qorti tal-Appell qalet li tinnota li l-unika piena li l-appellant għandu jiġi kkundannat għaliha u li tirrefletti l-gravità ta’ dak li huwa nstab ħati tiegħu hija dik ta’ piena ta’ priġunerija effettiva.
Meħud in konsiderazzjoni tal-fatt li l-Qorti tal-Appell illiberat lill-appellant mit-tieni imputazzjoni addebitata fil-konfront tiegħu u meħud in konsiderazzjoni wkoll tal-fedina penali tal-appellant, il-fatt li r-relazzjoni ta’ bejn l-appellant u l-parte civile kienet waħda konsenswali u li l-appellant għamel minn kollox biex itemm ir-relazzjoni – jwassal biex il-Qorti tal-Appell tqies li piena ta’ 20 xahar priġunerija tkun l-aktar idonea fiċ-ċirkostanzi.
//= $special ?>