Ambjent Lokali

Aktar minn 1700kg ta’ skart miġbur f’Kemmuna f’6 sigħat

Nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju, Friends of the Earth Malta kkollaborat ma’ Din L-Art Ħelwa u l-Malta Environmental Foundation f’attività ta’ tindif fiż-żona ta’ madwar il-forn il-qadim f’Kemmuna.

L-attività ffukat fuq il-ġbir ta’ biċċiet tal-ħġieġ hekk kif dan hu ta’ periklu serju għall-ħajja selvaġġa indiġena ta’ Kemmuna minħabba l-periklu ta’ nar u l-qtugħ li jista’ jikkawża. Grazzi għall-isforz inkredibbli tal-volontiera, nġabru aktar minn 1600kg ta’ skart tal-ħġieġ, aktar minn 100kg ta’ skart ġenerali, u aktar minn 500kg ta’ skart bulky. Dan ifisser li ġew miġbura aktar minn 2 tunnellati ta’ skart fi żmien biss 6 sigħat.

L-ammont ta’ ħġieġ imxerrda fuq il-veġetazzjoni huwa ta’ tħassib kbir, u minkejja l-kwantità kbira ta’ skart li nġabar, għad fadal ħafna xogħol x’jsir. Eżempju evidenti tat-tniġġis bil-ħġieġ fuq il-gżira kien maħżen agrikolu qadim ħdejn il-Forn, li għal snin sħaħ intuża bħala post fejn jintremew il-fliexken tal-ħġieġ. Din iż-żona issa ġiet imnaddfa kompletament. Iżda eżempju iktar allarmanti huwa miżbla mhux trattata mimlija biċċiet ta’ ħġieġ li ġejjin mill-lukanda l-antika ta’ Kemmuna. Minkejja l-isforzi tal-NGOs, din iż-żona għadha mniġġsa ħafna u hemm bżonn ħafna aktar xogħol biex titnaddaf kompletament mill-ħġieġ perikoluż. Wara l-attività, żewġ membri ta’ FoEM baqgħu fuq il-gżira biex jagħmlu tindif tul il-kosta bl-użu ta’ kayak.

FoEM bħalissa qed tmexxi proġett ewlieni bl-isem Il-Forn ta’ Kemmuna, li għandu l-għan li jirrestawra l-forn qadim u jittrasformah f’ċentru edukattiv ambjentali. Il-proġett għandu l-għan li jqajjem kuxjenza pubblika dwar l-importanza ekoloġika ta’ Kemmuna bħala sit Natura 2000 u dwar il-valur ambjentali tagħha għall-Gżejjer Maltin. Sadanittant, Din L-Art Ħelwa ilha tmexxi t-Torri storiku ta’ Santa Marija f’Kemmuna mill-2002. L-NGO rrestawrat it-torri u għadha tieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu sal-lum. Iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom impenn fit-tul biex jipproteġu l-wirt naturali u kulturali ta’ Kemmuna, u għandhom storja twila ta’ alleanza u kollaborazzjoni.

FoEM esprimew l-apprezzament kbir tagħhom għall-appoġġ u l-parteċipazzjoni kbira f’din l-inizjattiva ta’ tindif. Irringrazzjaw lil Din L-Art Ħelwa għall-kollaborazzjoni tagħhom, lill-Malta Environmental Foundation talli ffinanzjat l-inizjattiva, u lil Comino Ferries Co-Op talli pprovdew it-trasport bil-baħar għall-volontiera.

Din l-inizjattiva hija parti mill-proġett Ditch the Waste – Save Comino, iffinanzjat mill-Malta Environmental Foundation. Dawk li ma setgħux jattendu dan l-avveniment jistgħu xorta jikkontribwixxu billi jagħtu donazzjoni biex jappoġġjaw Il-Forn ta’ Kemmuna.

Tgħallem aktar hawn: https://kemmuna.org/join-support/.