Futbol Sport

Bruce Grobbelaar u Didi Hamann f’Malta għaċ-ċelebrazzjoni speċjali ta’ Liverpool Supporters Club Gozo

Biex jitfakkar l-20 anniversarju mir-rebħa drammatika taċ-Champions League f’Istanbul kif ukoll ir-rebħ tal-20 Premier League dan l-istaġun, il-Liverpool Supporters Club Gozo qiegħed jorganizza żewġ attivitajiet speċjali għall-membri u għall-publiku.

Għada, l-Erbgħa 28 ta’ Mejju, fis-7:30pm fil-Grand Hotel fl-Imġarr, Għawdex, se jkunu preżenti żewġ leġġendi tar-Reds – Bruce Grobbelaar u Didi Hamann.

Il-Goalkeeper miż-Żimbabwe, Grobbelaar serva bħala l-ewwel goalkeeper għar-Reds mill-1981 sal-1994, fejn hemm lagħab 620 partita. Fit-13-il sena mal-klabb, Grobbelaar rebaħ 6 Premier Leagues, UEFA Champions League, 3 FA Cups, 3 League Cups u 5 Community Shields.

Minn naħa l-oħra, il-midfielder Ġermaniż Dietmar Hamann lagħab 283 partita mar-Reds u skorja 11-il gowl. Hamann kien propju involut fir-rebħa storika ta’ Istanbul u daħal bħala sostitut fis-46 minuta fil-finali kontra Milan.

Dawk preżenti se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ dawn iż-żewg eks plejers li se jaqsmu diversi esperjenzi tal-karriera tagħhom mal-klabb. Dawn se jkunu intervistati mill-ġurnalista Norveġiza li tgħix Liverpool, Ragnhild Lund Ansnes. Waqt l-attività se jkun prezenti ukoll DJ Ozzy Lino.

Attività oħra se ssir il-Ġimgha 30 ta’ Mejju fejn se ssir Carcade li tibda fis-6:30pm minn quddiem il-Klabb fix-Xewkija u li aktar tard tispiċċa b’Afterparty fil-Westend Terrace, fix-Xewkija, ukoll fejn Marc Kenny, kantawtur u muziċist se jkun qed idoqq live ir-repertorju tiegħu. Se jkunu prezenti wkoll Ft. Lukz u DJ Silvio biex joffru divertiment lil dawk presenti.

Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jċemplu għal aktar informazzjoni fuq 79932431, 79902675, 79967895.