Internazzjonali

Dimostranti estremisti attakkaw lill-Palestinjani

Folol ta’ Iżraeljani tal-lemin estrem bdew jinsuttaw u attakkaw lill-Palestinjani waqt il-purċissjoni annwali ta’ Jum ta’ Ġerusalemm – avveniment li sar nhar it-Tnejn.

L-estremisti bdew jgħajtu slogans bħal ‘mewt għall-Għarab’. U l-vjolenza faqqgħet hekk kif gruppi ta’ Lhud daħlu fiz-zoni Palestinjani tal-Belt il-Qadima ta’ Ġerusalemm.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Yair Lapid qal li l-avveniment inbidel f’festival ta’ mibegħda u razziżmu, u żied jgħid li kien tal-mistħija li aġġixxew b’dan il-mod – u insult għall-Ġudaiżmu.

Skont ix-xhieda, negozjanti Għarab fil-Kwartier Musulman li għadhom ma għalqux il-ħwienet, ġew iffastidjati minn żgħażagħ Iżraeljani. Diversi dimostranti li kienu aggressivi ġew arrestati u mkeċċija mill-Belt il-Qadima mill-Pulizija Iżraeljana.

Il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali, Itamar Ben Gvir, mill-partit Jewish Power, talab għall-piena tal-mewt għal dawk li sejjaħ “terroristi”. Dan b’referenza għall-Palestinjani.

Kelliem għall-Presidenza Palestinjana, ibbażat fix-Xatt tal-Punent, ikkundanna l-marċ u ż-żjara ta’ Ben Gvir f’Al-Aqsa.

F’laqgħa tal-kabinett, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu wiegħed li jżomm lil Ġerusalemm magħquda kollha kemm hi, u taħt is-sovranità Iżraeljana.

Kull sena eluf ta’ Iżraeljani jmorru fit-toroq ta’ Ġerusalemm u l-Belt il-Qadima, u jispiċċaw ħdejn il-Ħajt tal-Punent; l-iktar sit qaddis fejn il-Lhud jitħallew jitolbu f’Ġerusalemm.

Il-marċ ifakkar il-ħtif ta’ Ġerusalemm tal-Lvant b’maġġoranza Palestinjana mill-forzi Iżraeljani waqt il-gwerra tal-1967. Il-Palestinjani jridu wkoll lil Ġerusalemm bħala l-kapitali futura tagħhom, u ħafna mill-komunità internazzjonali tqis lil Ġerusalemm tal-Lvant bħala territorju Palestinjan okkupat minn Iżrael.