Dalgħodu hija l-ewwel ġurnata tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Andorra. Permezz ta’ dan l-artiklu tistgħu ssibu aġġornamenti kontiwni, bl-aħħar aħbarijiet u riżultati marbuta mill-kamp Malti.
Ċikliżmu Nisa | Diżappunt minn Emma Pratt
Fiċ-Ċikliżmu, fit-Time Trial tan-Nisa, Malta bdiet b’diżappunt meta kien mistenni ħafna aktar miċ-Ċiklista Emma Pratt li fil-klassifika finali temmet fl-għaxar post. L-aħjar ħin minn fost in-nisa Maltin f’din l-event inkiseb minn Deborah Schembri li temmet fil-ħames post.
Diana Muscat u Emma Pratt temmew fl-14 u l-15-il post rispettivament.
Ċikliżmu Irġiel | Andrea Mifsud bl-aħjar ħin fl-event tat-Time Trial
Andrea Mifsud kien il-Malti bl-aħjar ħin fit-Time Trial tal-Irġiel fiċ-Ċikliżmu. Hu temm dan l-event, fil-ħames post, b’Andreas Miltiadis ta’ Ċipru kiseb l-aħjar ħin minn fost iċ-ċiklisti kollha.
L-atleta ta’ 28 sena, irreġistra l-aħjar ħin f’din il-kompetizzjoni ta’ 12’14.87.
Bernard Galea temm fid-disa’ post, fit-tnax-il post ikklassifika Daniel Bonello, Aidan Buttigieg fil-15-il post u Jacob Schembri temm fis-17-il post fil-lista finali tat-Time tat-Trial tal-irġiel.
Basketball 3 x 3 tal-Irġiel | Malta tibda b’tliet telfiet, darbtejn kontra Andorra u telfa oħra kontra Ċipru
Bidu sfortunat għat-tim Malti tal-Irġiel tal-Basketball 3 x 3. Fl-ewwel partita, minn Grupp A, Malta tilfet 19-18 kontra Andorra.
F’din il-logħba, it-tim Malti, kompost minn Ian Felice Pace, Matthew Scerri, Nathan Xuereb u Nelson Kahler irrnexxilna nwettqu rimonta meta konna 19-13 minn taħt.
L-irġiel Maltin ġarrbu telfa oħra fit-tieni partita tal-ġurnata. Kontra Ċipru, tlifna 21-15.
Wara waqfa ta’ ftit ħin ta’ mistrieħ, fis-sessjoni ta’ wara nofs in-nhar, l-irġiel Maltin lagħbu t-tielet partita tagħhom fil-grupp u sfortunatament komplenja nġarbu aktar telf. Din id-darba t-telfa kienet kontra Andorra bl-iskor finali jkun dak ta’ 20-18.
Basketball 3 x 3 tan-Nisa | Stephanie De Martino tispira lit-tim tan-nisa għal bidu b’rebħa
In-nisa Maltin tal-Basketball tat-3 x 3, beda l-impenji tiegħu b’rebħa ta’ 21-11 kontra Ċipru.
Stephanie De Martino kienet l-aqwa skorer għal Malta bi tmien punti f’din il-logħba.
Fit-tieni partita tat-tim Malti tan-nisa, Malta għelbet lill-Andorra 15-11 biex b’hekk ksibna t-tieni rebħa minn żewġ logħbiet, f’Grupp A. L-aqwa skorer tal-Maltin kontra Andorra kienet Amber Melgoza b’disa’ punti.
Fit-tielet partita tal-grupp, Malta ġarrabna l-ewwel telfa kontra l-Lussemburgu. Malta tilfet 16-10 biex fil-klassifika proviżorja ta’ Grupp A, il-Lussemburgu għandhom punti massimi wara l-ewwel tliet partiti.
Għawm Irġiel | Nathan Cachia u Matthew Satarianio fl-azzjoni fil-200 metru butterfly
Fl-Għawm, fil-200 metru butterfly tal-irġiel, dalgħodu, kellna l-ewwel żewġ heats fejn għal Malta kellna lill-għawwiema Nathan Cachia u Matthew Satariano fl-azzjoni. Iż-żewġ atleti kisbu ħinijiet li permezz tagħhom għamluha għall-finali ta’ din l-event.
Fl-ewwel heat, Nathan Cachia temm fit-tieni post, b’ħin ta’ 2’08.79. F’din l-event, Cachia temm wara l-għawwiem mil-Lussemburgu, Joao Reisen Braga Soares Carneiro li temm l-ewwel f’ħin ta’ 2’06.69.
Fit-tieni heat, komposta minn ħames għawwiema, l-uniku Malti fl-azzjon kien Matthew Satariano li kklassifika fir-raba’ post f’ħin ta’ 2’11’05.
Miż-żewġ heats kien l-għawwiem tal-Lussemburugu, Florian Frippiat li rreġistra l-aħjar riżultat overall, f’ħin ta’ 2’02.62.
Cachia kiseb ir-raba’ l-aħjar ħin f’dawn il-heats, biex b’hekk fil-finali se jkun qed jisfida għal ċans ta’ rebħ ta’ midalja. Satariano kiseb it-tmien l-aħjar ħin overall.
Għawm Nisa | Riżultat tajjeb għal Zoe Annabel Cawsey fil-heats tal-50 metru Breastroke
Zoe Annabel Cawsey kisbet it-tielet l-aħjar ħin fil-heats tal-50 metru Breastroke tan-Nisa meta rreġistrat ħin tajjeb ta’ 32’87.
L-aqwa ħin miksub fil-heats ta’ din l-event kien ta’ Birgitta Ingolfsdottir tal-Iżlanda, mhux wisq ‘il bogħod minn dak li rrnexxilha tikseb l-għawwiema Maltija. Il-ħin miksub fil-fażi prelimnari kien ta’ 32’57.
Il-finali ta’ din l-event, fejn Cawsey se tkun qed tisfida għal post fuq il-podium, se ssir nhar il-Ġimgħa.
Għawm Irġiel | Sean Wareing jgħaddi għall-finali tal-200 metru backstroke
L-għawwiem Sean Wareing, iddebutta f’dawn il-logħob fil-heat tal-200 metru backstroke. Oriġinarjament, skont l-iskeda, Wareing kellu jkun fl-azzjoni qabel f’event oħra, dik tal-100 metru Freestyle, flimkien ma’ Kyle Micallef, iżda t-tnejn li huma finalment spiċċaw biex ma kkompetewx f’din l-event.
Fil-200 metru backstroke, Wareing, kiseb is-seba’ l-aħjar ħin u għadda għall-finali. Il-ħin miksub mill-għawwiem Malti kien ta’ 2’14.80.
L-aħjar ħin fil-fażi tal-heats ta’ din l-event inkiseb mill-għawwiem Iżlandiż, Gudmundur Leo Rafnsson, b’għawma ta’ 2’07.26.
Karate Nisa | Malta tirbaħ id-deheb permezz ta’ Jessica Vella fil-Kata

Ftit qabel is-1pm, Malta kisbet l-ewwel suċċess b’rebħ ta’ midalja u ta’ lewn id-deheb. Kienet l-atleta żagħżugħa, Jessica Vella li ta’ 19-il sena rebħet l-event tal-Kata fil-Karate biex b’hekk ħadna l-ewwel ferħa bħala sportivi Maltin.
Fil-finali, Vella kienet fl-aqwa forma possibbli u għelbet il-kompetizzjoni tal-avversarja Mila Mrakovic mill-Montenegro, bil-punteġġ finali ta’ 37.8 għal 39.1m biex rebħet l-ewwel midalja għall-kontinġent Malti u ta’ lewn id-deheb.
Karate Nisa | It-tieni midalja Maltija tal-ġurnata…din id-darba bronż u għal darb’oħra fil-Karate
It-tieni midalja ta’ Malta f’dawn il-logħob reġgħet waslet permezz tal-Karate. Ibrahim Kalil Koska rebaħ il-bronż għal Malta wara li tilef is-semi-finali fil-kategorija tal-84kg ‘il fuq, kontra Emanuele Magnelli ta’ San Marino.
Għawm Nisa | Nirvana Micallef tirbaħ l-ewwel midalja f’din id-dixxiplina ta’ lewn il-fidda

Malta rebħet l-ewwel midalja fl-għawm, permezz ta’ Nirvana Micallef.
L-għawm għadu kemm rebbaħ lil Malta l-ewwel midalja fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Andorra. Hekk kif illum wara nofs in-nhar bdew isiru l-finali ta’ diversi events, fil-200 metru butterfly tan-nisa, Nirvana Micallef daħlet fit-tieni post biex rebħet il-midalja tal-fidda.
Emma Barthel tal-Lussemburgu rebaħ id-deheb b’ħin ta’ 2’23.45. Il-ħin miksub minn Micallef kien dak ta’ 2’23.94.
Fit-tielet post daħlet għawwiema minn Ċipru.
Din kienet it-tielet midalja mirbuħa minn Malta s’issa f’dawn il-logħob.
Table Tennis Irġiel | It-tim tad-doubles tal-irġiel jirbħu midalja tal-bronz
Ir-raba’ midalja ta’ Malta fl-ewwel ġurnata ta’ dawn il-logħob waslet ftit qabel il-5pm. Din id-darba kienet id-dixxipplina tat-Table Tennis li fid-doubles tal-irġiel ksibna r-rebħ tal-midalja tal-bronz, wara li l-koppja Maltija Dmitrij Prokopcov u Felix Wetzel tilfu fis-semifinali kontra l-Lussemburgu 3-2.
Table Tennis Nisa | Tasal it-tieni midalja tad-deheb għal Malta permezz tad-doubles tan-nisa
Tasal it-tieni midalja tad-deheb għal Malta f’din l-ewwel ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Andorra.
Wara r-rebħ tal-midalja tal-bronz fit-Table Tennis, fid-doubles tal-irġiel, fid-doubles tan-nisa Malta rebħet id-deheb meta fil-partita deċiżiva kontra Ċipru, il-koppja li kienu qed jirrapreżentaw lil Malta, Maria Carmela Iacop u Renata Strbikova, rebħu 3-0.
B’hekk din hija l-ħames midalja s’issa għal Malta fl-ewwel ġurnata, it-tieni waħda mirbuħa permezz tad-dixxiplina tat-Table Tennis u t-tieni midalja tad-deheb wara dik ta’ Jessica Vella fil-Karate.
Għawm Nisa | Sasha Gatt tirbaħ l-ewwel midalja tad-deheb tal-karriera tagħha f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar
Aktar suċċessi għal Malta f’din l-ewwel ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra. Fl-Ghawm, Sasha Gatt, temmet l-ewwel fil-finali tat-800 metru freestyle f’ħin ta’ 8’49.74 biex b’hekk għall-ewwel darba fil-karriera tagħha, Gatt irnexxilha tirbaħ midalja tad-deheb f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Atletika Irġiel | Jarred Micallef ifalli d-deheb li rebaħ sentejn ilu f’Malta fit-800 metru, iżda jikseb il-fidda
Fit-800 metru atletika tal-irġiel, Malta falliet ir-rebħ tal-midalja tad-deheb li konna ksibna sentejn ilu fl-edizzjoni li kienet saret f’pajjiżna, meta Jarred Micallef, tilef bi ftit l-ewwel post. Micallef kellu jikkuntenta bir-rebħ tal-midalja tal-fidda f’din il-finali, b’Isaac Boonici, li kien wieħed mill-atleti f’din it-tiġrija finali, temm fis-seba’ post.
Il-ħin ta’ Micallef kien ta’ 1’48.21, bil-midalja tad-deheb tintrebaħ minn Pol Moya Betriu t’Andorra. Dan tal-aħħar daħal l-ewwel f’ħin ta’ 1’47.85.
Atletika Nisa | Deheb u bronż għal Malta fit-800 metru tan-nisa
Fl-Atletika, fit-800 tan-nisa, Gina McNamara daħlet l-ewwel fost kulħadd biex aċċertat mir-rebħ tal-ewwel midalja tad-deheb fl-atletika s’issa, u r-raba’ waħda għal Malta f’dawn il-logħob. Fl-istess event, Janet Richard temmet it-tielet biex rebħet il-midalja tal-bronz.
Atletika Nisa | Jemima Farley tirbaħ il-fidda u l-għaxar midalja tal-ġurnata għal Malta
Aktar rebħ ta’ midalji għal Malta fl-Atletika, f’din l-ewwel ġurnata ta’ dawn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra. Din id-darba kien imiss lil Jemima Farley li kisbet il-midalja tal-fidda għal Malta fil-finali tal-10,000 metru. Ir-rebħ ta’ din il-midalja kien jimmarka l-għaxar midalja mill-kontinġent Malti s’issa, f’Andorra, b’erbgħa minnhom huma midalji tad-deheb.
Atletika Nisa | Bronż għal Malta fil-100 metru tan-nisa
L-ewwel lejla tal-atletika għal Malta f’Andorra kompliet tkun waħda pożittiva, hekk kif fil-finali tal-100 metru tan-nisa, Thea Parnis Coleiro fl-ewwel dehra tagħha f’dawn il-logħob rebħet il-bronz meta temmet it-tielet fhin ta’ 11.83. Fl-istess event, Claire Azzopardi kklassifikat fis-sitt post, f’ħin ta’ 12’27.
Ġinnastika Artistika | Sophie St John u Philippa Busuttil bl-ewwel rebħ ta’ midalji għal Malta fil-Ġinnastika
Resqin lejn it-tmiem tal-ewwel ġurnata iżda araw taħsbu li ma baqax aktar midalji x’jintrebħu mill-Maltin illejla. Baqa’ u kif.
L-atleti nisa Maltin fil-Ġinnastika Artistika, Sophie St John u Philippa Busuttil temmew it-tieni u t-tielet fl-All Around Competition. St. John rebħet il-fidda u Busuttil rebħet il-bronż.
Atletika Irġiel | Bronż għal Beppe Grillo fil-100 metru
Suċċess għal Beppe Grillo f’isem Malta fil-100 metru tal-irġiel fl-atletika. Grillo kiseb it-tielet l-aħjar ħin, dak ta’ 10.62. Malta temmet ukoll fir-raba’ post f’din il-finali permezz ta’ Omar El Aida Chaffey.
Dan tal-aħħar irnexxilu jikseb l-aħjar ħin personali tiegħu, meta tem mil-100 metru sprint f’10’70.
Ġinnastika Artistika Nisa | Midalja storika tad-deheb mit-tim tan-nisa

Malta għalaqna l-ewwel ġurnata tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, bir-rebħ tal-ħames midalja tad-deheb, liema midalja kompliet tagħti kulur fid-debutt ta’ Team Malta ta’ dawn il-logħob.
Din l-aħħar midalja tad-deheb waslet minn dixxiplina relattivament ġdida għal Malta f’termini ta’ suċċessi u fl-istorja ta’ dawn il-logħob, il-Ġinnastika Artistika.
It-tim tan-nisa rebaħ il-finali għat-timijiet meta kiseb l-akbar ammont ta’ punti, b;total ta’ 138.250 punti u b’hekk spiċċajna l-ewwel fil-klassifika ġenerali biex fost il-ferħ u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dawk involuti u preżenti fiċ-Ċentru Esportiu Serradells.
Atletika Mixed | Fidda għal Malta fl-aħħar event tal-ġurnata fl-Atleltika
L-aħħar midalja waslet ftit wara id-9:15pm meta fl-aħħar event tal-ġurnata fl-Atletika, Team Malta tal-4×400 mixed relay ġera tiġrija mimlija emozzjonijiet u daħal fit-tieni post. B’hekk Malta rebħet is-16-il midalja tal-ġurnata (u l-aħħar waħda għal-lum) permezz tal-ħames midalja tal-fidda. It-tim Malti kien kompost minn Isaac Bonnici, Martha Spiteri, Jared Micallef u Janet Richard.
16-il midalja mirbuħa fl-ewwel ġurnata
X’ġurnata din! U għadna fl-ewwel jum ta’ dawn il-logħob. L-atleti Maltin, fid-dixxiplini varji kienu sempliċiment stupendi. Kien hemm xi ftit tad-diżappunti, iżda dawn malajr jintesew ħdejn il-ferħ li rajna bir-rebħ ta’ midalji, inkluż tad-deheb f’dixxiplini bħal Karate u l-Ġinnastika Artistika.
Prosit lill-atleti Maltin, rebbieħa ta’ midalja jew le.
Forza Malta dejjem.
Għada nerġgħu nkunu magħkom b’servizz ieħor ta’ kwalitá u aġġornat fuq il-portal ta’ Net News.
Grazzi talli seggwejtuna.
//= $special ?>