Lokali Saħħa

Hospice Malta tniedi l-maratona ‘Ħajja sal-Aħħar’ nhar il-Ħadd 6 ta’ Lulju

Biex jinġabru fondi għall-ħtieġa dejjem tikber għall-kura Paljattiva

Nhar il-Ħadd 6 ta’ Lulju, Hospice Malta se torganizza l-maratona ta’ 12-il siegħa bit-tema ‘Ħajja sal-Aħħar’, sejħa biex il-ħajja tiġi ppreservata b’dinjità, kompassjoni u kura professjonali sat-tmiem naturali tagħha. Fl-2024, Hospice Malta appoġġjat kważi 1,000 pazjent ġdid jew 3 persuni kuljum f’servizzi b’xejn. Din ir-realtà turi kemm l-appoġġ kontinwu tal-pubbliku hu meħtieġ u urġenti.

Ix-xandira diretta ta’ 12-il siegħa (mill-11am sal-11pm) se tixxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin direttament minn St Michael Hospice, f’Santa Venera, li ġie inawgurat fil-bidu tas-sena.

Kenneth Delia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta qal li “l-għan tagħna hu li dejjem nipprovdu kura professjonali meħtieġa għall-pazjenti biex kemm jista’ jkun jibqgħu fl-ambjent tad-dar tagħhom, filwaqt li nindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom matul dan il-perjodu sensittiv. Il-fondi miġbura permezz tal-maratona ta’ din is-sena se jmorru għas-sostenn u ż-żieda ta’ dawn l-isforzi fosthom is-servizzi fil-komunità kif ukoll is-servizzi ta’ terapija ta’ matul il-jum.”

Ix-xandira maratona se tinkludi stejjer personali, divertiment, intervisti u messaġġi mill-pazjenti jew qraba li rċevew kura u appoġġ minn Hospice Malta. Il-messaġġi tagħhom juri mhux biss id-differenza li Hospice Malta tagħmel f’ħajjithom iżda wkoll kif il-professjonisti jagħtu kura bla ħlas li ddur mal-bniedem f’wieħed mill-aktar stadji kritiċi u sensittivi tal-ħajja. Rakkont wara ieħor, dawn il-familji jiddeskrivu sens profond ta’ dinjità grazzi għall-professjonalità, l-empatija u l-preżenza kontinwa tal-ħaddiema u l-voluntiera ta’ Hospice Malta.

Bernadette Bonnici Kind, iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta; qalet li “kull sena aktar nies qed jikkuntattjawna għall-appoġġ u l-maratona hija opportunità ewlenija għall-pubbliku u l-komunità tan-negozju biex tgħinna nkomplu nipprovdu dawn is-servizzi vitali, mingħajr ħlas. Bl-appoġġ tagħkom, nistgħu nkomplu nilħqu aktar individwi u familji fil-bżonn.”

Il-fondi miġbura se jmorru direttament għall-espansjoni tas-servizzi bbażati fil-komunità, it-titjib tat-terapiji permezz tal-Unit tat-Terapija ta’ Matul il-Jum u t-tnedija tat-taqsima ġdida tal-Inpatient Unit ta’ Hospice Malta li toffri 16-il kamra privata għal soġġorni qosra f’ambjent seren li jiżgura dinjità, privatezza u kumdità.

Kemm jekk id-dar jew fil-faċilità l-ġdida ta’ St Michael Hospice, it-tim ta’ professjonisti u voluntiera ta’ Hospice Malta jaħdem kuljum biex jipprovdi appoġġ emozzjonali, fiżiku u spiritwali lill-pazjenti u lill-maħbubin kollha tagħhom mingħajr ħlas.

Dettalji għad-donazzjonijiet:

Għal aktar informazzjoni u biex tagħti donazzjoni, żur www.hospicemalta.org