L-Avukat Leslie Cuschieri, li qed jirrappreżenta lil George Degiorgio, t-Tlieta filgħodu kompla bid-difiża tiegħu fil-ġuri b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Huwa kompla fejn ħalla nhar it-Tnejn fejn ikkritika l-mod ta’ kif saret l-investigazzjoni tal-Pulizija. Huwa qabel ukoll mal-avukati difensuri tat-tliet akkużati l-oħra, dik li “Il-Koħħu” mhux kredibbli.
George Degiorgio diġà ammetta l-ħtija għar-rwol tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ġie kundannat 40 sena ħabs. Cuschieri sostna li għalkemm diversi uffiċjali tal-pulizija kienu preżenti fuq il-post, il-biċċa l-kbira tax-xogħol investigattiv waqa’ fuq Keith Arnaud.
Il-ġuri qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Il-ġuri issa daħal fid-29 jum tiegħu.
Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.
Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.
Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom
L-avukat Leslie Cuschieri argumenta li l-investigazzjoni kien fiha wisq nuqqasijiet. Pereżempju, il-pulizija ffokaw kważi esklussivament fuq il-bieb u r-rampa fi Triq John Borg, Birkirkara, u numru limitat ta’ vetturi. Dan l-ambitu dejjaq fisser li possibbiltajiet kruċjali ġew injorati, bħaċ-ċans li l-qattiel wasal fil-garaxx ta’ Birkirkara bil-mixi, jew li vetturi oħra setgħu daħlu fil-kumpless ta’ garaxxijiet aktar kmieni fil-ġurnata.
Dr. Cuschieri sostna li dawn ix-‘shortcuts’ investigattivi saru biex inaqqsu qabel iż-żmien is-suspettati. Kemm Arnaud kif ukoll l-espert maħtur mill-qorti Martina Bajada, li niżżlet il-filmati tas-CCTV, xehdu b’dak li l-Avukat Cuschieri ddeskriva bħala twemmin predeterminat li l-awturi kienu ġewwa l-karozza Toyota Ractis li dehret ħierġa mix-xena tad-delitt.
“Imma xi ngħidu dwar ir-raġel li kien qed jimxi l-kelb tiegħu fil-filmati madwar il-ħin tal-isparatura? Qatt ma ġie interrogat,” qal Cuschieri. “U raġel ieħor liebes l-abjad deher eżatt qabel ma nstab il-katavru ta’ Chircop. Anke hu ġie injorat.”
Minkejja li Arnaud ibbaża s-suspetti tiegħu fuq il-filmati tal-karozza ta’ Ractis, Vince Muscat, xhud ewlieni, kien qal lill-qorti: “Żgur mhux hekk.” Cuschieri kompla jinsisti: “Għaliex ġie injorat dan id-dettall?”
L-avukat difensur kompla jgħid li Vince Muscat “Il-Koħħu” beda jikkoopera mal-pulizija fl-2018, iżda t-talba tiegħu għal maħfra presidenzjali inizjalment ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ evidenza sostanzjali, b’ħafna minnha bbażata fuq għajdut.
Huwa reġa’ beda jitkellem mal-pulizija fl-2020. Waqt ix-xhieda fil-qorti, l-investigatur ewlieni Keith Arnaud esprima fiduċja sħiħa f’Muscat, filwaqt li elenka dettalji ewlenin li pprovda li għenu biex jiġu identifikati l-allegati qattiela. L-avukat Leslie Cuschieri qara din il-lista u rrikonoxxa l-fatti bħala preċiżi.
Madankollu, huwa qajjem tħassib dwar il-kredibilità ta’ Muscat. “Hemm xi ħadd fid-dinja li qatt ma gideb jew għawweġ il-verità, lanqas ftit?” staqsa Cuschieri. Huwa argumenta li Muscat kien biddel partijiet min-narrattiva tiegħu biex jaqdu l-interessi tiegħu stess.
Skont id-difiża, Muscat ħejja x-xhieda tiegħu bir-reqqa f’koordinazzjoni ma’ Arnaud u kellu konsultazzjonijiet estensivi mal-avukat tiegħu qabel ma ta x-xhieda.
“Ilkoll nafu li Muscat kien involut fil-qtil ta’ Carmel Chircop. Forsi Muscat mar waħdu imma ddeċieda li jniżżel lill-oħrajn miegħu. Qatt mhu se nkunu nafu.”
Dr. Cuschieri kompla jeżamina l-kredibbiltà ta’ Vince Muscat billi reġa’ żar ir-rotta li allegatament ittieħdet wara l-isparatura u enfasizza aktar inkonsistenzi fil-verżjoni tal-ġrajjiet ta’ Muscat. Huwa indika dettalji li ma ġewx traskurati u reġa’ ddubita dwar ir-reqqa tal-investigazzjoni.
Huwa nnota li Arnaud jidher li għandu lil Muscat f’tant stima li jirreferi għalih b’mod sarkastiku bħala “San Vince.” B’ton sarkastiku, Cuschieri analizza x-xhieda ta’ Muscat fil-qorti, u ddeskrivaha bħala mhux plawżibbli.
“Il-Koħħu” qatta’ għexieren ta’ snin jgħix mal-akkużati taħt it-tinda tal-patata tal-Marsa. Għandna llum nemmnu li verament li issa qed jibża’ minnhom?” huwa staqsa. “Se jkun imbeżża’ ladarba joħroġ mill-ħabs?” saħaq Cuschieri.
L-Avukat Cuschieri qal li Vince Muscat qagħad fis-seat ta’ wara u tħallas €20,000 u dan talli ma għamel xejn, dettall li immedjatament iqajjem mistoqsijiet, qal l-avukat. “Tirrealizzaw mill-ewwel għandkhom li xi affarijiet ma jagħmlux sens,” huwa saħaq mal-ġurati.
Biex jagħti kredibilità lir-rakkont tiegħu, Muscat żamm ċerti aspetti tal-istorja. Bħala eżempju, huwa rrimarka li d-dgħajsa Maya kienet irreġistrata taħt Alfred Degiorgio, mhux George Degiorgio, kif kien sostna Muscat.
“Lil min taħseb li qed tqarraq, Vince Muscat?” Cuschieri tenna b’mod retoriku, hekk kif b’mod metodiku skont l-avukat kixef aktar kontradizzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat.
Il-pulizija bdiet tiffoka fuq il-vettura Ractis, argumenta Cuschieri, u injorat angoli kritiċi oħra. L-esperti mediċi kkonkludew li t-tiri ġew sparati minn distanza ta’ żewġ metri biss. Madankollu, skont l-istess rakkont, l-allegat persuna li spara falla żewġ tiri.
“Kif tista’ tfalli minn daqshekk viċin?” staqsa Cuschieri. “Ma jistax dan kollu jfisser li min spara seta’ ma kienx ġewwa karozza, iżda pjuttost miexi jew wieqaf fil-qrib?” Huwa rrimarka li l-pulizija naqset milli tinvestiga raġel li deher fl-inħawi ftit qabel ma nstab il-katavru ta’ Chircop, żball li jitfa’ aktar dubju fuq ir-reqqa tal-investigazzjoni.
Dwar il-motiv, Cuschieri ddubita l-allegat involviment ta’ George Degiorgio. M’hemm l-ebda evidenza, huwa qal, li Degiorgio kien jaf lil Chircop. “M’hemm l-ebda vendetta, l-ebda ħlas ippruvat, u l-ebda relazzjoni bejniethom. Jekk tneħħi lil ‘San Vince’ mill-istampa, ma tibqa’ l-ebda evidenza li torbot lil George Degiorgio ma’ dan il-qtil,” ikkonkluda Cuschieri.
Hekk kif huwa temm it-tratazzjoni tiegħu Cuschieri argumenta li l-Avukat Ġenerali ma ppreżenta l-ebda evidenza konkreta li timplika lil Degiorgio. Wara beda d-difiża tiegħu l-Avukat Ishmael Psaila għan-nom ta’ Jamie Vella.
Huwa kellem lill-ġurati dwar id-dritt li għandu kull akkużat li ma jixhidx biex ma jinkriminax lilu nniffsu. Tenna li l-ġuri nstema’ fl-awla tal-provi u mhux l-awla tal-verità, għax aħna ma konniex hemm fejn seħħew il-każijiet. Il-verità hija divina qal l-avukat.
Qal li meta Jamie Vella kien arrestat fis-Swieqi minn ġo villa fejn kien hemm ukoll erba’ karozzi hawn ħasbu li dan kien xi miljunarju meta d-dar lanqas biss kienet tiegħu kif ma kienux il-karozzi tiegħu. Huwa fakkar lill-ġurati li dan kien meta Vella kien ġie testjat pożittiv għal Covid.
Dwar Daphne Caruana Galizia qal li din tista’ taqbel magħha u tista’ ma taqbilx imma li huwa żgur li hija persuna li kellha d-drittijiet. Huwa qal li jinteressa lill-Qorti mill-proċess tal-ġustizzja u m’għandhiex tidħol politika bl-ebda mod. Huwa qal li l-media mhux dejjem tagħti stampa dwar x’jiġri fil-Qorti u l-ġudizzju għandu jsir fuq dak li ppreżenta l-Avukat Ġenerali.
Qal lil ġurati li m’għandhom jeżistu l-ebda favuri u li huma biss huma Imħallfin tal-fatt. Dwar il-parte civile, l-avukati li qed jidhru għan-nom tal-vittma l-Avukat Psaila qal li dawn m’għandhom l-ebda dritt jinvolvi ruħhom. Tenna wkoll li l-fatt li l-akkużati qegħdin fl-iżbarra ma jfisser xejn. Dik hija s-sistema li l-Maltin wirtu mingħand l-Ingliżi.
Hawn l-Avukat kif għamlu l-avukati difensuri staqsa għaliex Vince Muscat f’temp ta’ ħames snin bidel il-verżjoni tiegħu tliet darbiet. Huwa qal lill-ġurati biex ma jaqgħux fin-nasba li għax iħossuhom għajjenin jgħarblu sew il-ġudizzju.
Huwa qal li f’dan il-ġuri kienu preżenti tal-FBI, interew il-filmati marru fuq il-postijiet u għalhekk il-ġurati għandhom jgħarblu kull provi. “Staqsu lilkhom infuskhom, din il-provi hi kredibbli?” Dan qal l-Avukat Psaila irid isir fuq il-provi kollha.
Bħala bnedmin għandna nibdew nirriflettu: għaliex il-verżjoni ta’ Vince Muscat inbidlet diversi drabi. Għaliex Muscat ma għażilx li jwieġeb xi mistoqsijiet? “Nafu li bħala ġurati intom eżawriti, nafu li għandkom familji li tixtiequ terġgħu lura magħhom, imma tieħdux id-deċiżjoni ta’ malajr ,” l-avukat qal lill-ġurati. Fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni hija tiegħek u trid tgħix biha.
L-Avukat Psaila qal li kien Arnaud stess li qal li “Il-Koħħu” huwa persuna notorja. Huwa talba lill-ġurati jaraw il-filmat ta’ meta Arnaud staqsa lil Jamie Vella jekk kienx jaf lil Vince Muscat, dan qallu li huwa iqisu bħala “il-ħmieġ tas-soċjetà.”
L-Avukat Psaila qal li Muscat li l-pajjiż tah proklama biex jgħid il-verità, għamel minn kollox biex jara t-traskrizzjonijiet ta’ dak li kien se jixhed dwaru. Dwar Melvin Theuma, huwa tkellem dwar il-komportament tiegħu li l-istess bħal Muscat intrabat mas-soċjetà li jagħti tagħrif li ma jwassal xejn għal ħlief il-verità.
“Il-Koħħu huwa bniedem makkak
Theuma, skont l-Avukat Psaila kien kalm u kompost u ma qagħdx iwieġeb bit-teżi “ma nafx”. L-unika darba li qal li ma jafx kien li ma jafx lil Jamie Vella. Muscat mhux biss jaqbad linja li jwieġeb “ma nafx” imma qabad linja li jitfa’ s-salvauomo.
L-avukat difensur qal li Muscat huwa makkak. Dwar kif kien jaf li l-bomba ġiet bil-katamaran, huwa qal fil-ġuri kien jara l-katamaran u jħares lejh u kien jifhem minn dak li kienu jgħidulu li bih kienu ġabu l-bomba. “Din għandha mill-verità?” staqsa l-avukat.
L-Avukat Psaila kkirtika “il-Koħħu” dwar dik li sejjaħ il-froġa li daħal fiha hu, li hu persuna li għandu l- vizzju tal-logħob u li kemm il-darba kien investigat mill-Pulizija fuq diversi każi. Qal li Muscat meta jaqbillu jsemmi lil Jamie Vella u meta jaqbillu jgħid li ma jiftakarx.
L-Avukat Psaila għamel domanda lil Arnaud fin-nuqqas tiegħu b’dan il-mod: “Elevajt daqstant mobajls, bagħtuhom barra u possibbli ma rruiżulta xejn”? huwa staqsa. Hawn id-difensur qal lill-ġurati jekk kien xi ħadd għal qalbhom li qiegħed fl-iżbarra minflok Jamie Vella, u dan għax ikun issemma minn Vince Muscat – bl-Imħallef Edwina Grima dlonk tgħid lill-avukat difensur biex ma jieħux dik it-triq.
Dr. Psaila kkritika wkoll il-mod kif mexxa l-investigazzoni fejn wara l-konferenza stampa li kien għamel kien qal li l-każ tal-Avukat Chircop huwa magħluq u waqt il-ġuri qal bil-kontra. Hawn bħall-avukat difensuri l-oħra, Psaila qal li l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia sar bl-aħjar mod. L-Avukat qal li Arnaud kellu jindaga aktar u kellu jistaqsi iktar lil Muscat fuq diversi aspetti tal-każ.
Id-difiża tirreferi għall-biża’ li Vince Muscat qal li ħass fir-rigward tal-aħwa Maksar. “Melvin Theuma kien qed jirreġistra lill-allegat moħħ il-qtil, u jżomm messaġġi. Il-biża’ ta’ Theuma kienet eżemplifikata iżda min-naħa l-oħra, Muscat ġie hawn u qal li ‘ma tistax tgħid le lill-aħwa maksar,’ li ma kellux għażla ħlief li jakkumpanjahom. Kif tridna nemmnuk?”, qal b’vuċi soda l-Avukat.
“Huwa ħa €20,000 fl-2015 sempliċement biex jivvjaġġa bħala passiġġier minħabba l-biża’ hux? Imma iva, huwa vittma,” qal Psaila b’mod sarkastiku. “Baqa’ jinżel lejn it-tinda tal-patata fil-Marsa, u f’għajnejkom dan jikkostitwixxi biża’?” jistaqsi lill-ġurati.
“Għandna nibżgħu minnek Sur Muscat,” ikompli jgħid l-avukat. “Qed timmanipula s-sistema tal-ġustizzja. Min jibża’ jieħu azzjonijiet, iżomm provi kontra l-persuni f’sitwazzjoni meta inti tibża’ sa dak il-punt, eżatt bħalma għamel Theuma.”
Psaila, viżibbilment frustrat, qal lill-ġurati li m’hemm l-ebda evidenza li tikkorrobora l-allegazzjonijiet ta’ Muscat dwar Jamie Vella. Il-ġuri jkompli l-Erbgħa, bid-difiża tkompli għaddejja bil-każ tagħha.
L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.
L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.