Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jaċċetta l-appell tal-PN għal diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-Parlament li l-Gvern għandu jaċċetta l-appell tal-PN għal diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni .

Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-importanza tal-Kostituzzjoni u qal li din mhijiex biss ktieb iżda xi ħaġa ħajja u attwali. Hu qal li Malta għandha kostituzzjoni tajba u semma’ r-rifomi li saru fir-Repubblika u fl-emendi dwar il-maġġoranza.

Hu żball meta l-gvern imur il-Parlament b’emendi li dwarhom ma jkunx hemm qbil mal-Oppożizzjoni. Dan meta l-Oppożizzjoni dejjem disposta li titkellem u tiddiskuti mal-gvern biex isiru riformi li dwarhom hemm qbil. Il-proposti li qed iressaq il-gvern huma ideat li mhumiex raffinati u li jwasslu gal toroq żbaljati.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar id-dixxiplina fuq il-ġudikatura u qal li l-kwistjoni tal-età tal-ġudikanti sa 70 sena għandha tiddaħħal fil-Kostituzzjoni. M’għandhiex tkun il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li tiddeċiedi jekk ġudikant jibqax iservi sa 70 sena.

Hu tkellem dwar l-istatistika dwar l-effiċjenza tal-ġudikatura u qal li għandu jkun hemm sistema interna li fihom ġudikant jista’ jkun imwiddeb iżda jkun hemm ir-rispett lejhom.

Carm Mifsud Bonnici kompla li jeħtieġ riforma kbira fis-sistema tal-ġustizzja u sostna li l-ġudikatura jixirqilha diskussjoni għal liġijiet tajbin. Hu appella biex tkompli d-diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni u sostna li l-PN qed jipproponi din id-diskussjoni mal-Gvern.