Quddiem realtà ta’ pajjiż li ma’ kull jum li jgħaddi qed jitgħabba b’popolazzjoni dejjem tiżdied, il-Partit Nazzjonalista llum nieda l-proċess biex isiru studji tal-carrying capacity f’kull lokalità f’Malta u f’Għawdex, biex ikun jista’ jsir investiment infrastrutturali li jkun verament ibbażat fuq il-bżonnijiet reali taċ-ċittadini.
Din kienet wegħda tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjonijiet lokali ta’ Ġunju li għadda. Illum, quddiem Gvern li qata’ qalbu u għalaq għajnejh għal din ir-realtà, huwa l-Partit Nazzjonalista li qed jieħu azzjoni konkreta f’dan ir-rigward.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien il-Gardjola fl-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista se jippreżentaw mozzjoni f’kull kunsill lokali fejn huma eletti biex jintalbu uffiċjalment studji xjentifiċi dwar kemm tiflaħ kull lokalità. L-għan ta’ dawn l-istudji huwa li jiġi stabbilit x’investiment infrastrutturali jinħtieġ f’kull lokalità biex l-iżvilupp ikun sostenibbli u jżomm mal-kwalità tal-ħajja li jixraqlu kull ċittadin.
“Sena ilu wegħedna b’mod ċar li l-kunsillieri tagħna se jieħdu din l-inizjattiva, u llum qegħdin inwettqu dak li wegħedna,” qal Bernard Grech. “Din hija prova oħra li l-Partit Nazzjonalista mhux biss jitkellem imma jaġixxi anke mill-Oppożizzjoni.”
Bernard Grech tenna li din il-proposta saret għax taħt il-Gvern Laburista l-popolazzjoni splodiet b’mod bla kontroll, filwaqt li l-infrastruttura waqgħet lura u qed tikkrolla. Minħabba f’dan, il-kwalità tal-ħajja tan-nies ħadet daqqa ’l isfel. Il-konġestjoni fit-toroq f’kull ħin, il-problema tal-iskart, u l-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi huma biss ftit eżempji.
“Il-Gvern baqa’ ma ħax azzjoni. L-ebda direzzjoni, l-ebda investiment ġenwin, u wisq anqas impenn biex jindirizza din il-kriżi,” sostna Bernard Grech. “Aħna nemmnu li l-affarijiet għandhom isiru bi pjan. U biex tippjana tajjeb l-ewwel trid tifhem x’hemm bżonn, mhux taġixxi bl-addoċċ.”
Il-Partit Nazzjonalista qed juri li huwa lest biex imexxi b’serjetà. Il-kunsillieri tiegħu se jitolbu li jsiru dawn l-istudji biex kull belt u raħal f’Malta u Għawdex ikun jista’ jkollha viżjoni ċara u pjan konkret għall-futur.
“Qed nagħmlu dan għax jimpurtana tassew mill-futur tal-lokalitajiet tagħna,” temm jgħid Bernard Grech. “Kull ċittadin għandu dritt jgħix f’ambjent sigur u organizzat, u għandu dritt għal kwalità ta’ ħajja li tagħtih dinjità.”