GSSE 2025 Sport

Illum, Malta taspira li tirbaħ numru ta’ midalji fl-ewwel ġurnata tal-atletika

Jared Micallef illum se jkun qed jiddefendi d-deheb li rebaħ sentejn ilu fit-800 metru tal-irgiel
Jared Micallef illum se jkun qed jiddefendi d-deheb li rebaħ sentejn ilu fit-800 metru tal-irgiel

Fl-ewwel ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025, aktar tard illum waranofsinhar, l-atletika se tkun qed tisraq ix-xena u l-attenzjoni kollha. F’Estadi Comunal Joan Samarra Vila, stadium żgħir tal-futbol li kien mibni fl-1990 u għandu kapaċitá ta’ ftit anqas minn 1,300 ruħ, hu previst li Malta mil-lum tibda tikseb l-ewwel suċċessi f’din id-dixxiplina sportiva.

Hu mifhum li l-akbar ammont ta’ midalji f’din l-ewwel ġurnata jistgħu jintrebħu minn Malta fl-atletika, b’Charlene Attard, id-Direttur Sportiv tal-Kumitat Olimpiku Malti għal dawn il-logħob, waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ filgħodu, diġà rrimarkat li t-tim Malti tal-atletika f’din id-dixxiplina hu wieħed b’saħħtu; fattur li jawgura tajjeb għar-rebħ ta’ midalji, kif wara kollox sar sentejn ilu.

Matul il-ġurnata tal-lum fl-atletika Malta se jkollha ċans tkun preżenti f’għaxar finali differenti, f’events differenti tal-atletika li jvarjaw. Dawn huma:

Pole Vault tan-nisa | Sana Grillo
100 metru tan-nisa | Claire Azzopardi u Thea Parnis Coleiro
100 metru tal-irġiel | Omar El Aida u Beppe Grillo
Long Jump tan-nisa | Rebecca Sare
800 metru tan-nisa | Gina McNamara u Janet Richard
800m tal-irġiel | Isaac Bonnici u Jared Micallef
10000m tan-nisa | Lisa Bezzina u Jemima Farley
3000 steeple chase tan-nisa | Rosalie Borg Cauchi
3000 steeple chase tal-irġiel | Luke Micallef
4x400m Mixed Relay Team Malta

Ta’ min jinnota li meta mqabbel ma’ sentejn ilu, fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Malta, f’dawn l-għaxar events, Malta kienet rebħet total ta’ disa’ midalji ta’ lewn differenti. Minn dawn ħamsa minnhom kienu midalj tad-deheb.

Madankollu m’hemm l-ebda garanzija li din id-darba se nkunu qed niddefendu r-rebħ ta’ dawn l-events peress li f’ċirkostanzi minnhom ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa tad-deheb għal Malta sentejn ilu, mhux se jkunu qed jerġgħu jipparteċipaw fl-istess event.

Il-programm tal-atletika llum se jkun qed jibda fil-5:30pm u jibqa’ għaddej sa ftit wara d-9pm.