Lokali Parlament

Is-settur tas-saħħa jeħtieġ pjan għall-futur fl-infrastruttura u r-riżorsi

Ritratt: Martin Agius

Stephen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella fl-Aġġornament tal-Parlament biex isir pjan futur għas-settur tas-saħħa u żied li jeħtieġ infrastruttura adegwata u riżors uman b’saħħtu.

Stephen Spiteri qal li fl-2024 fl-Isptar Mater Dei daħlu iktar minn 100,000 pazjent għall-kura. Dan juri l-ammont kbir ta’ xogħol f’Mater Dei u li s-saħħa nazzjonali offruta mill-gvern qed ikollha pressjonijiet kbar. Dan iġib ukoll pressjonijiet fuq il-ħaddiema kollha tal-isptar u fuq dipartimenti partikolari fosthom tal-Emergenza.

Stephen Spiteri qal li l-pazjenti qed jiffaċċjaw iffullar straordinarju u sostna li dan juri l-piż li għandha s-sistema biex tlaħħaq ma’ dawn l-ammonti ta’ nies. Hu staqsa fejn hi l-infrastuttura li l-pajjiż suppost għandu biex ilaħħaq ma’ din il-pressjoni, anki fil-kuntest taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. Fl-aħħar 12-il sena l-ministeru tas-saħħa kien sfidat biex ilaħħaq ma’ din il-pressjoni propju minħabba nuqqas ta’ infrastruttura.

Hu fakkar x’kienu jgħidu Konrad Mizzi u Chris Fearne li kienu jgħidu lill-poplu biex joqogħdu fuq Vitals u Steward biex issa l-Ministru tas-Saħħa Joe Etienne Abela ma jafx x’se jagħmel quddiem din il-problema. Jeħtieġ ikun hemm soluzzjonijiet biex ikun iktar servizzi effettivi fl-isptarijiet u anki fis-settur tas-saħħa mentali.