Is-Sindku Laburista tal-Għargħur Mariah Meli qed tibqa’ taħrab milli tiddibatti fuq Net Television dak illi seħħ fir-raħal tal-Għargħur.
F’komunikat li għamel magħha dan l-istazzjon, Mariah Meli ġiet mitluba sabiex tkun preżenti fil-programm NET LIVE fuq Net Television it-Tlieta 27 ta’ Mejju jew l-Erbgħa 28 ta’ Mejju….flimkien mal-eks Sindku Nazzjonalista Helen Gauci.
L-ewwel komunikat sar b’mod informali s-Sibt 24 ta’ Mejju, fejn permezz ta’ messaġġ Mariah Meli ġiet mistiedna għal NETLIVE u anke magħrfa li se tkun qed tirċievi email formali sabiex tattendi. B’din il-kamra tal-aħbarijiet ma tirċievi l-ebda risposta.
Jumejn wara, fis-26 ta’ Mejju, Net Teleivison bagħat email formali lis-Sindku Laburista – bl-istess stedina għall-program NETLIVE. Iżda s-Sindku Laburista għalet li tinjora u taħrab kompletament milli taffaċċja lill-eks Sindku Nazzjonalista Helen Gauci sabiex jiġu diskussi l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Gauci.
Din mhix l-ewwel stedina li saret lil Mariah Meli – hekk kif il-ġimgħa li għaddiet hi kienet mistiedna għall-programm ‘Opinjoni’ fuq Net Teleivison – bis-Sindku Laburista tagħżel li tinjora din l-istedina ukoll.
Matul l-aħħar ġimgħatejn, il-Partit Laburista ħataf taħt idejh il-Kunsill Lokali tal-Għargħur b’mod mill-aktar anti-demokratiku.
Fl-istess waqt, Helen Gauci talbet lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed isiru mill-Partit Laburista.