GSSE 2025 Sport

“Kburija li rnexxieli nirbaħ l-ewwel deheb għal Malta fil-Karate” – Jessica Vella wara s-suċċess tagħha f’Andorra

Jessica Vella
Jessica Vella

Fl-ewwel kummenti li l-atleta tal-Karate, rebbieħa tal-ewwel midalja tad-deheb, Jessica Vella tat lill-media lokali wara li kisbet suċċess f’Andorra, esprimiet il-ferħ kbir tagħha li rnexxilha tilħaq dan it-tragward.

“Ninsab kburija ħafna li rrnexxili nikseb l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta f’dawn il-logħob iżda wkoll fil-Karate,” qalet Vella li għandha 19-il sena.

Vella rringrazzjat lit-tim tagħha li “għenuni ħafna fil-proċess biex illum wasalt s’hawn. Dan kien proċess li konna ilna naħdmu fuqu.”

Ir-rebbieħa tal-ewwel midalja tad-deheb għal Malta f’dawn il-logħob, Vella kienet dominanti tul il-kompetizzjoni tagħha tal-Kata. Il-Kata, li hi kelma Ġappuniża, hi kompetizzjoni li matulha l-atleta jrid ikun kapaċi jesprimi mudelli dettaljati ta’ movimenti pprattikati jew waħedhom jew f’pari. Kull waħda minn dawn hija sistema kompluta ta’ ġlied f’termini ta’ Karate, bil-movimenti u l-pożizzjonijiet tal-kata jkunu gwida ta’ referenza ħajja għall-forma u l-istruttura korretti tat-tekniki użati f’dik is-sistema.

Vella stqarret li din hija “l-aktar kata favorita tiegħi, għaliex fiha ħafna saħħa, ħeffa, daqqiet bis-sieq u qbiż li nieħu ħafna gost nagħmilhom.” L-atleta żagħżugħa kompliet tgħid li dan is-suċċess ma wasalx b’kumbinazzjoni iżda ilha ħafna taħdem għalih, “biex dejjem nipperfezzjona l-prestazzjoni tiegħi.”

Fil-finali li waslet lil Vella sabiex rebħet id-deheb, hi għelbet l-isfida ta’ Mila Mrakovic mill-Montenegro.

“Nammetti li fil-bidu bdejt inħoss it-tensjoni, iżda mal-ħin irnexxili nikkontrollha, żammejt il-kalma u l-konċentrazzjoni. Bdejt inħossni aktar rilassata u bdejt nieħu gost ukoll, biex il-prestazzjoni u l-wirja tiegħi kienet aktar mill-qalb u ta’ suċċess,” temmet tgħid Vella.