Internazzjonali

L-Ewropa trid futur fejn in-negozji u l-ħaddiema jistgħu jikbru u jirnexxu – Metsola

Waqt l-avveniment organizzat minn Confindustria, li tirrappreżenta l-interessi tan-negozji Taljani quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej u fil-livell nazzjonali, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-Ewropa qiegħda fuq in-naħa tal-industrija, fuq in-naħa tal-familji li jaħdmu qatigħ u jiddependu fuq l-impjiegi li jinħolqu min-negozjanti, fuq in-naħa ta’ dawk li huma lesti li jieħdu riskji u jridu jaraw l-Ewropa tikber ekonomikament u tissaħħaħ.

Hija saħqet li l-Ewropa trid tkun hemm biex tagħmel l-affarijiet aktar faċli, u biex l-affarijiet isiru aktar malajr. Kompliet li l-Ewropa trid toffri s-soluzzjonijiet.

Il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid tibqa’ miftuħa għan-negozju, u lesta li tappoġġja lil dawk li joħolqu l-ġid.

Il-President Metsola qalet li n-nies jeħtieġu impjiegi siguri, appoġġ biex joħolqu negozji ġodda, u akkomodazzjoni affordabbli, partikolarment għall-ġenerazzjonijiet iżgħar. Filwaqt li appellat għal sistemi aktar sempliċi u effettivi, hija enfasizzat is-sejħa taċ-ċittadini għal aktar ċarezza fis-servizzi pubbliċi.

Il-President Metsola enfasizzat l-importanza li tiġi adottata l-intelliġenza artifiċjali biex titmexxa ’l quddiem l-innovazzjoni u l-kompetittività.

Metsola bħalissa tinsab fuq żjara uffiċjali fit-Tramuntana tal-Italja. Illum żaret ukoll iċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp u s-Supercomputer Leonardo f’Tecnopolo, Bologna – żewġ eżempji li juru kif l-Ewropa għandha l-abbiltà li tinvesti fir-riċerka, li ssalva l-ħajjiet u tkun fuq quddiem fejn tidħol l-innovazzjoni.

Aktar tard hija vvjaġġat lejn Lesignana biex iżżur proġett iffinanzjat mill-UE ffukat fuq il-produzzjoni tal-Parmigiano Reggiano. Il-fabbrika ntlaqtet ħażin mit-terremot tal-2012.