Opinjoni

OPINJONI: Il-Kapitali jixirqilha ferm aħjar

Valletta – il-kapitali ta’ pajjiżna, il-ġawhra rikonoxxuta wkoll mill-UNESCO, il-perla bi storja kbira – illum f’livell ta’ telqa

minn Ylenia Montfort
Kunsilliera PN
Kunsill Lokali Valletta

Hekk kif kważi se nagħlaq sena bħala Kunsilliera u Minority Leader f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Belt Kapitali tagħna, nista’ ngħid li s’issa din l-esperjenza diġà dewqitni u għallmitni ħafna.
Minkejja kull ostaklu, il-ħin u l-enerġija li tħosshom dejjem jikkumbattu kontrik – l-imħabba u l-passjoni lejn art twelidi huma ferm ikbar minn kull kumbatt u għalhekk b’iktar motivazzjoni minn qatt qabel itik li tqum fuq saqajk u tkompli taħdem.

Naqdu dmirijietna bl-aħjar mod possibbli
Li tkun fil-minoranza, minkejja li xi ftit jew ieħor ttelfek milli taqdi ħidmietek bl-aqwa mod possibbli, wieħed jista’ jeħodha bħala opportunità. Għax li tara l-affarijiet minn lenti differenti minn dik ta’ awtorità u tikkritika u tressaq iktar viċin il-vuċi mhux biss tal-minoranza imma anke ta’ dawk li minkejja li ma jappartenux jew ma jħaddnux l-istess valuri tiegħek u jħossu li mhumiex qed jieħdu dak li hu bi dmir jew li hu xieraq għal-lokal tagħhom.
Jekk hawn xi Belti/ja li bħalissa jgħidli li hu kuntent bis-sitwazzjoni kurrenti, forsi ftit li xejn nemmnu għaliex nemmen li lil Beltna biegħulha ruħha u tilfulha kull identità li kellha.

Il-barrani jikkummerċjalizza lill-kapitali
Bħala residenta jien ukoll stennejt li kif imwiegħed qabel l-elezzjoni, tmexxija ġdida fil-Kunsill ser tħares l-interessi tal-Beltin minflok tkompli tqarreb lejn l-interessi tal-Gvern Ċentrali u wisq nibża’ li minflok qrobna aktar lejn il-bilanċ tant bżonjuż bejn ir-residenti u l-kummerċ, żbilanċjajna iktar lejn il-kummerċ.
Għandna kapitali b’titlu ta’ Belt UNESCO li qed titlef il-Beltin minn ġo fiha bi spiża tal-barrani li jrid ikompli jikkummerċjalizzaha. Belt Kapitali li qed iġegħluha takkomoda lil kulħadd minbarra lil niesha.

Ħarsien tal-ambjent
Belt li minflok titmexxa minn min verament għandu lilha għal qalbu, titmexxa minn min jidher li hu tant bla interess li saret frekwenti li spazju pubbliku jsir mejda u siġġu, li parkeġġ għal resident isir parkeġġ għall-ministeru jew segretarjat, li waħda mill-eqdem siġar li rat lill-Belt titrabba ċċedi postha għal substation taħt l-art.
Belt li minflok qed tikber mal-anzjani li dejjem ħaddnet fiha, terġa’ ssir Belt żagħżugħa li ma torqod qatt (lanqas fl-iktar sigħat bikrin ta’ filgħodu).
Minkejja dawn l-isfidi u l-ostakli kollha li qed naffaċċjaw aħna l-Beltin li verament inħobbu lill-Belt Kapitali, il-ħidma tagħna l-Kunsillieri Nazzjonalisti lejkom ma taqtax.
Anzi l-vuċi tgħolli l-volum u kif dejjem konna, inwiegħed li se nibqgħu nkunu voċiferi għaliex dak li se niżirgħu llum aħna, se jaħsduh il-Beltin ta’ warajna. Li tkun mill-Belt għalina huwa unur, privileġġ u x-xewqa tiegħi hi li jien u sħabi nkunu parti ċkejkna mil-legat li nistgħu ngħaddu lit-tfal li qed jikbru fl-istess Belt.

Jimminimizzaw xogħolna
Anke jekk hemm min ipprova jimminimizza xogħolna permezz tad-dekasteri mogħtija lilna, proprju dawn id-dekasteri tat-tfal, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, fost l-oħrajn, huma l-aqwa opportunità għalina biex naħdmu mal-ġenerazzjoni futura Beltija u ngħinuhom jifhmu l-wirt uniku li għaddewlna ta’ qabilna u jkomplu fuq dak li qed nippruvaw nibnu jiena u sħabi l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista.
Imma jekk ħadd mit-tmexxija ċentrali jew lokali ma jidher li għandu l-istess viżjoni tagħna, tistgħu timmaġinaw x’se jiġri mill-Beltin fi ftit snin oħra?
Nittama li l-futur huwa wieħed mill-isbaħ għal din il-Belt li tant rat unuri, storja, tradizzjonijiet, briju u dak kollu li tagħmilha unika u nħares ’il quddiem biex bħala tim wieħed inkomplu nirrappreżentaw mhux biss lill-minoranza imma lil dawk kollha li verament għandhom il-Belt għal qalbhom.
Nixtieq finalment nirringrazzja lill-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista li qed ikun qrib il-Kunsillieri u kandidati bl-aħjar preparazzjoni u opportunitajiet biex inkomplu nsemmgħu leħinna bl-iktar mod effettiv għall-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet tagħna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25  ta’ Mejju, 2025.