Opinjoni

OPINJONI: Mudelli u ideali

Fost il-wirt ta’ għerf li d-dinja klassika għaddietilna hemm kitbet Lucius Mestrius Plutarchus

mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniede
m

F’ħafna wieħed għandu jqabbel soċjetajiet varji. Dawk li għaddejna fil-passat minnhom u dawk li qegħdin ngħixu fil-preżent fihom. F’ħafna ninsabu f’dinja fejn it-teknoloġija qed tagħmel lill-bniedem inqas ħawtiel, inqas lest li jfittex, inqas mimli bil-ħerqa li jitgħallem u li jsir jaf, salv dak biss li huwa għalih essenzjali.

Nafu li dan huwa proċess li fih il-ktieb jinsab aktar fil-ġenb. Naqsu kif nafu dawk li jfittxu, jixtru jew jisselfu ktieb. Naqas fuq kollox l-Istat demokratiku li jkollu fil-prijorità tiegħu x-xiri akbar, ferm akbar ta’ kotba u li jkollu poplu li huwa infurmat.

Darba fis-sena forsi nismgħu bl-istatistika li xi librerija kellha xi żieda marġinali ta’ qarrejja imma s-soċjetà tagħna qed tħalli warajha l-għerf. Tħalli l-boxxla fundamentali tagħha u għalhekk timxi ma’ kull riħ li jiġi.

Plutarch

Fost il-wirt ta’ għerf li d-dinja klassika għaddietilna hemm kitbet dan il-bniedem. Għex jingħad bejn l-40 WK sal-120 WK u ismu hemm min jidentifikah bħala dak li ġej minn Chaeronea jew Lucius Mestrius Plutarchus. Imma l-fatt jibqa’ li hu responsabbli ta’ żewg kotba importanti.

L-ewwel il-ħajjiet paralleli ta’ diversi bnedmin mid-dinja Griega u Rumana wara l-famuż Moralia. It-tnejn kotba mill-isbaħ u intenzjonati mhux biss jiġbru informazzjoni storika imma aktar minn hekk biex jgħallmu lill-bniedem kif għandu jġib ruħu fil-ħajja ta’ kuljum. Forom varji ta’ dak li wieħed jista’ jqabbel ma’ ‘eroj’ li jiggwidaw lil dak li jkun. Dawk il-bnedmin li fil-preżent nara li s-soċjetà ma għadhiex tfittex jew tipprova ssib.

X’jgħid

L-awtur jispjega dan meta jiddikjara: “My intent is not to write history, but only lives. For, the noblest deeds do not always show men’s virtues and vices, but oftentimes a light occasion, a word, or some sport maketh men’s natural dispositions and manners appear more plain, than the famous battles won, wherein are slain ten thousand men, or the great armies, or cities won by siege or assault.”

(L-intenzjoni tiegħi mhix li nikteb l-istorja, imma biss l-ħajjiet. Għax, l-azzjonijiet l-aktar nobbli ma jurux dejjem il-virtujiet u d-difetti tal-bnedmin, imma ħafna drabi mument mhux tant importanti, kelma, jew xi aljenazzjoni juru aħjar il-bniedem fl-aspett naturali u fil-manjieri tiegħu, ferm aktar minn battalji mirbuħa, jew jekk mietu għaxar t’elef persuna, jew il-battalji l-kbar, jew l-bliet mirbuħa b’assedji jew attakk. U f’dan minn dak li rajt u qrajt jidher li għal ġenerazzjonijiet twal irnexxielu.)

Sekli

Għall-sekli twal awturi varji u bnedmin fil-ħajja l-iktar dawk li kienu litterati, jafu jaqraw ħadu f’idejhom. Billi l-ewwel ktieb ta’ Plutarch kien miktub tajjeb. Mimli b’ħajjiet ta’ persuni importanti fid-dinja Griega u Rumana billi kien jiddeskrivi ħajjithom u wara f’forma ta’ konklużjoni jitqabblu kien popolari.

Taqra ħajjet Alessandru l-Kbir jew ta’ Ġulju Ċesri, jew dawk ta’ Demostene u Ċiċerun u tarahom jitqabblu b’intelliġenza u għaqal politiku u uman. Propju minħabba dan li ħafna mexxejja qrawhom.

Diversi bħall-Ġeneral u Imperatur Franċiż Napuljun Bonaparte (1769-1821) jingħadu li kienu jġorruhom magħhom fil-kampanji u l-vjaġġi. Diversi oħra kienu jassiguraw li l-uffiċjali militari tagħhom u wliedhom jinxeħħtu jaqraw dan il-ktieb twil u voluminuż. Dan propju għax verament l-awtur jirnexxielu jwelled f’diversi mhux biss rispett lejn il-passat imma aktar li wieħed jieħu direzzjoni. Eżempji tajba fuq naħa u gwida biex ma jittiħdux direzzjonijiet żbaljati li jkunu ħadu dawn il-mexxejja kbar.

Lista twila

Fil-fatt nafu li l-lista hija twila ta’ dawn il-bnedmin. Dan l-aktar għaliex fir-rinaxximent ġie skopert mill-ġdid. Fl-elenku hemm fost l-oħrajn Erażmu ta’ Rotterdam li jqiegħdu fit-tielet post wara l-Bibbja, jew il-qaddis Tumas Moore, Shakespeare, Montesquieu, Voltaire, Rousseau lkoll bnedmin li ġew influwenzati u wara ħadu ħsieb jinfluwenzaw oħrajn warajhom.

Dawk li qrawh u fehmuh, l-ewwel meta jiddikjara: “Il vero uomo politico si affida invece alla parola, che e’ il mezzo piu’ idoneo e congeniale per persuadere e governare il popolo.” (Il-politiku ta’ veru jrid jafda fl-abbiltà tal-kelma t-tajba, li hija l-mezz l-aktar indikat u konformi biex tipperswadi u tmexxi l-poplu.)

Fit-tieni, li minn kliemu stess il-politiku għandu juża lingwaġġ dinjituż u li jgħolli ’l fuq il-bniedem lejn l-aħjar, lejn dak li huwa sewwa u mhux minflok imur għal dak teatrali jew bombastiku.

Illum

F’dan nisma’ numru ta’ drabi min isemmi politiċi passati u jfaħħarhom. Hekk jixirqilhom. Ħafna li servewna kienu bnedmin ta’ stoffa u determinazzjoni. Preparati jaħdmu għal ideal veru u mhux għall-interess personali.

Bnedmin li ġew huma wkoll iffurmati f’dinja li kienet tagħti ġieh lill-kitbiet bnedmin bħal Plutarch. Kitbiet il-letteratura klassika li tagħthom ħafna eżempji li setgħu jsegwu fl-imġiba tagħhom. Jieħdu toroq tajba u attenti milli jaqbdu dawk żbaljati.

Nifhem f’dan li jista’ jkun hemm min jopponi għal kitbieti u jiddikjara li dak iż-żmien għadda. Jista’ jkun, imma nemmen dejjem iktar li hawn ġenerazzjoni ġdida ta’ bnedmin fil-ħajja pubblika li jridu u jixtiequ direzzjoni tajba.

Nemmen

Nemmen aktar li għadna fil-mument li mmorru lura u naqbdu dak li qabdu oħrajn. Nemmen li għandna dmir fid-deżert li ninsabu li nfakkru u nindikawlhom li hemm boxliet tajba li jistgħu jekk iridu jsegwu.

Nemmen li għandi dmir inkompli nitkellem u niddikjara minfejn ġej u f’dak li jien. Il-bażi fl-għeruq tal-politika kulturali tiegħi li s’issa għadha ma telqitniex. Dawk li huma fil-fatt il-mudelli u ideali li jiffurmawna bħala soċjetà demokratika u li fil-fatt huma dawk li kapaċi jkomplu jkunu sodi għall-futur politiku aħjar tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 27 ta’ Mejju, 2025.