Opinjoni

OPINJONI: Tħassib dwar il-proġett tal-Magħtab

mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg
Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika,
ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete

Il-proġett tal-Magħtab, hekk imsejjaħ EcoHive, grazzi għall-propaganda tal-Gvern ta’ Robert Abela, malajr iwasslek biex taħsbu xi park tal-familja; xi post fejn il-familja kollha tmur u tieħu l-mistrieħ tagħha.
Imma l-verità hi ferm lil hinn minn dan għaliex dan hu proġett li jinkludi żewġ inċineraturi (wieħed tal-borża s-sewda – waste to energy u l-ieħor tal-iskart industrijali, tossiku, tal-isptarijiet u skart perikoluż li bħalissa qed jiġi esportat, jiġifieri impjant tal-iskart organiku… għall-iskart goff. Impjant tar-reċiklaġġ… ħġieġ, karta u metall… dawn kollha se jkunu ħdejn xulxin f’dan il-proġett li se jkun żviluppat fil-Magħtab ftit lil hinn minn għadd ta’ residenti li joqogħdu fil-viċinanzi.
Bir-raġun kollu li dan il-proġett qiegħed joħloq ħafna tħassib u r-residenti qegħdin jagħmlu sensiela ta’ mistoqsijiet, fosthom:
■ Sar site selection exercise ?
■ Kif ġie deċiż li dawn l-inċineraturi u impjanti kollha se jkunu ħdejn xulxin fil-Magħtab?
■ Għalfejn qed isiru impact assessments fuq biċċiet/impjanti differenti tal-kumpless u mhux fuq il-kumpless sħiħ?
■ Fid-dokument Coordinated Assessment ippreżentat mill-kumpanija AIS Environment, jingħad li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet li huma fiz-zona ta’ 113-il kilometru kwadru (within the 6km radius) u li dawn il-lokalitajiet jinkludu: in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, Birkirkara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imgar Il-Gvern komdu dwar dan?
■ Ma’ kemm minn dawn il-lokalitajiet saret konsultazzjoni pubblika u/jew mal-Kunsilli Lokali u/jew mas-Sindki li jirrappreżentaw lil dawn il-lokalitajiet?
■ Ġaladarba l-iktar riħ li jaffettwa l-gżejjer Maltin huwa dak ġej mid-direzzjonijiet tat-Tramuntana u tal-Majjistral, xi provi tekniċi hemm biex il-Gvern jiġġustifika li l-għażla taz-zona tal-Magħtab hija għażla tajba biex isiru żewġ inċineraturi u dan meta, l-imsemmi riħ se jitfa’ d-duħħan u l-partiċelli ġġenerati miċ-ċmieni għal fuq ir-residenzi tul ix-xatt, speċjalment ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, il-Madliena, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, u possibbilment sal-Belt Valletta?
■ Fid-dokument, Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility (As per ERA requirements for PA/06096/23) hemm referenza għall-partiċelli ta’ daqs PM10 imma m’hemm l-ebda rferenza għall-partiċelli ta’ daqs PM2.5… Għaliex?
■ U dan meta studji juru li partiċelli ta’ daqs PM10 jidħlu fl-imniffsejn u fil-pulmun tan-nies imma partiċelli ta’ daqs PM2.5 saħansitra jidħlu fid-demm! X’jikkummenta l-Gvern dwar dan?
■ Il-proġett tal-EcoHive għandu element qawwi ta’ Greenwashing, u f’Marzu 2023, l-Unjoni Ewropea bdiet taħdem fuq il-qafas tal-Green Claims Directive (DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL – on substantiation and communication of explicit environmental claims), biex proġetti bħall-EchoHive, ma jibqgħux jagħtu l-impressjoni li huma ta’ ġid ambjentali meta fil-fatt huma sors serju ta’ tniġġiż… u dwar dan il-Gvern jibqa’ sieket! Għaliex?
Pereżempju, l-istess inċineraturi jirrilaxxaw gassijiet bħal-CO2 (dijossina) u għaldaqstant, huwa qarrieq li tingħata l-impressjoni li l-inċineraturi huma dak li jissejjaħ “a green solution”.
■ Il-Gvern lest li jagħti l-għajnuna finanzjarja lir-residenti biex, kollettivament, jaħtru esperti tal-għażla tagħhom biex ikunu jistgħu jiggwidawhom sewwa fuq dak li qed jiġi propost fil-proġett tal-iskart, hekk imsejjaħ EcoHive, fil-Magħtab limiti tan-Naxxar?
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Mejju, 2025.