Lokali

TĦASSIB MILL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI: Li seħħ fil-Għargħur jidher “li kien motivat minn kalkoli politiċi”

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava kiteb uffiċjalment lill-Kummissjoni Elettorali dwar dak li seħħ fil-Kunsilli Lokali tal-Għargħur, ċioè il-mossa anti-demokratika li wettaq il-Partit Laburista bl-ordni tal-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba.

Net News huwa infurmat li l-Assoċjazzjoni, li hija ffurmata minn 8 membri rappreżentanti tal-Partit Laburista, 2 jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista u 1 Indipendenti, spjegaw li għandhom tħassib serju hekk kif jidher li l-isfiduċja fl-eks Sindku Helen Gauci kienet motivata minn skop politiku.

Dan it-tħassib jasal ukoll jumejn wara li f’attività politika Laburista fil-Mosta, waqt id-diskors tal-Ministru Chris Bonett, l-issa Sindku, mhux eletta demokratikament, tal-Għargħur, Mariah Meli bdiet tidħak wara li l-Baour ħataf il-Kunsill f’idejh.

Dan l-istazzjon huwa nfurmat li fl-ittra li ntbgħatet lill-Kummissjoni Elettorali, intqal illi dak li seħħ fil-Gharghur huwa preċedent perikoluż u jista’ jimpatta ferm ħażin lid-demokrazija hekk kif il-mekkaniżmi ntużaw biex jiġi mminat eżitu elettorali – fatt li kapaċi joħoloq inċertezza u sfiduċja fis-sistema elettorali.

Jidher li fl-ittra, intqal kif tali preċedent issa jista’ jagħti l-każ illi jwassal biex il-Kunsilli Lokali flok ifittxu l-għaqda u s-soluzzjoni għal tmexxija sana, jispiċċaw f’battibekki politiċi għal vantaġġ partiġjan.

L-appell kien wieħed ċar – biex il-Kummissjoni Elettorali tiżgura li tittieħed azzjoni preventiva biex l-interessi taċ-ċittadin ma jkunux ipperikolati, kif ukoll biex l-integrità tiġi mħarsa u d-demokrazija ma tkunx vulnerabbli għal manipulazzjoni u tgħawwiġ ta’ riżultati elettorali.

L-istess sorsi infurmaw lil Net News li kien għalhekk li Mario Fava qed jitlob laqgħa formali bejn l-Assoċjazzjoni u l-Kummissjoni Elettorali bil-għan li dan il-każ inkwetanti jiġi diskuss mill-aktar fis.