Knisja Lokali

Tifkira tal-25 anniversarju miż-żjara ta’ Ġesù Redentur fil-Qala, Għawdex

Quddiesa kommemorattiva u tnedija ta’ ktieb fl-Oratorju tas-Santissimu Kurċifiss, Belt Senglea

Il-Kapitlu tal-Belt Senglea flimkien mal-Parroċċa tal-Qala, Għawdex, ser jorganizzaw ċelebrazzjoni solenni nhar il-Ħamis, 29 ta’ Mejju, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju minn meta x-Xbieha Mirakoluża ta’ Ġesù Redentur mill-Belt Senglea għamlet żjara storika fil-gżira ta’ Għawdex.

Din iż-żjara, li seħħet fl-2000, ħalliet impatt qawwi u spiritwali fuq il-poplu Għawdxi u Malti. Il-ħarsa tar-Redentur, hekk kif qasam il-fliegu u niżel fuq l-art Għawdxija, baqgħet minquxa fil-qlub ta’ eluf ta’ nies li laqgħuh b’devozzjoni kbira u b’tama ġdida.

Biex jitfakkar dan il-mument milqugħ ta’ grazzja u talb, ser issir quddiesa kommemorattiva fl-Oratorju tas-Santissimu Kurċifiss, fil-belt tal-Isla, nhar il-Ħamis 29 ta’ Mejju fis-6:00pm. Il-quddiesa se tkun iċċelebrata quddiem ix-Xbieha Mirakoluża ta’ Ġesù Redentur li għadha sal-lum tixref fuq il-belt Senglea.

Wara l-quddiesa, ser tkun imnedija publikazzjoni ġdida li tfakkar iż-żjara fil-Qala. L-isem ta’ din il-publikazzjoni hija “IŻ-ŻJARA STORIKA TAR-REDENTUR TAL-ISLA, FIL-QALA, GĦAWDEX”. Mons. Carmelo Refalo b’dedikazzjoni kbira ġabar materjal, ritratti u xhieda dwar dak il-pellegrinaġġ straordinarju bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur. Il-ktieb ser ikun disponibbli għall-bejgħ kemm fil-parroċċa tal-belt Senglea kif ukoll fil-parroċċa tal-Qala.

Din l-okkażjoni hija stedina għall-fidili kollha sabiex jerġgħu jixiegħlu l-fjamma ta’ fidi li saħħet il-komunitajiet f’dawk il-jiem memorabbli. Nappellaw għal preżenza sabiħa u parteċipazzjoni numeruża sabiex flimkien, inkomplu nġeddu t-tama tagħna fil-Mulej Redentur.

Għal aktar informazzjoni u għal ritratti relatati mal-avveniment storiku tal-2000, wieħed jista’ jikkuntattja l-uffiċċju parrokkjali tal-belt Senglea parroċċa.senglea@maltadiocese.org.