Sport Sport Ieħor

Birżebbuġa ASC ikomplu jippreparaw għall-maratona ta’ 27 siegħa li għandha għan nobbli

Għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għal attentat biex jiġi stabbilit rekord tal-itwal maratona tal-għawm. Birżebbuġa Aquatic Sports Club qed jorganizzaw għawma ta’ 27 siegħa fil-pixxina tagħhom b’għan nobbli biex jinġabru fondi b’risq il-Caritas, iċ-ċkejkna Amy u familji fil-bżonn fil-komunità ta’ Birżebbuġa. Din l-attività tibda fid-9.00am tas-Sibt 31 ta’ Mejju u mistennija tintemm l-għada l-1 ta’ Ġunju f’nofsinhar.

Is-Sibt filgħaxija, fir-ristorant District Five, se jsir festin bejn is-7.00pm u nofsillejl. Is-serata se tiġi ppreżentata minn Dorianne Mamo bis-sehem ta’ Kyle George, Krista Sujak, Dario Bezzina, Chanelle u Ziggy. Dawk li se jattendu huma mistiedna li jagħtu donazzjoni ta’ €10, bid-dħul se jmorru kollu għall-karità.

Għawwiema ta’ kull età li ġejjin minn klabbs lokali u persuni oħra interessati, huma mistiedna li jagħmlu din l-attività suċċess billi jagħtu kuraġġ lill-parteċipanti u joħolqu atmosfera mill-isbaħ kif ukoll jipparteċipaw.

Dawk interessati li jirriservaw korsija fil-pixxina speċjalment filgħaxija, jistgħu jibagħtu messaġġ fuq WhatsApp fuq 99852539.