Lokali

Daniel Attard ma jiċħadx li l-assistent li laqqgħu ma’ tal-Huawei għadu miegħu

L-MEP Laburista Daniel Attard għażel li ma jirrrispondix jekk hu keċċiex lill-Assistent tiegħu – dan wara li l-Pulizija Belġjana bdiet investigazzjoni dwar laqgħat dubjużi li saru ma’ ċertu deputati Ewropej, mal-kumpanija Ċiniża Huawei.

Meta mistoqsi minn Net News, Daniel Attard saħaq li parti mix-xogħol tiegħu hu li jiltaqa’ ma’ bosta kumpaniji. Madanakollu, meta mistoqsi dwar dan il-każ speċifiku fejn il-Pulizija Belġjana stess spijat fuq l-MEPs, Daniel Attard ħarab milli jwieġeb.

L-MEP Laburista spjega li dwar l-assistent tiegħu ma jistax jikkummenta, b’Attard ma jiċħadx li dan l-assistent għadu fil-fatt jaħdem miegħu.

Daniel Attard min naħa tiegħu baqa’ jisħaq li f’dak li għamel ma kien hemm xejn ħażin – minkejja li l-immunità parlamentari tiegħu se titneħħa, u l-Pulizija Belġjana preżentament qed tinvestiga lill-MEP Laburista.

Min naħa l-oħra meta mistoqsi kif ma kienx avża lill-Prim Ministru dwar dawn il-laqgħat “normali” li qal li jkollu ma’ ħafna kumpanijji, Attard baqa’ jaħrab milli essenzjalment iwieġeb.

Id-dubji dwar il-laqgħa mal-Huawei kompliet tikber fl-ambitu tal-fatt illi l-Eks Kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores, lura f’Marzu li għadda, kien tkellem pubblikament dwar l-infulwenza ta’ din il-kumpanija Ċiniża fuq il-Parlament Ewropew. Iżda ħadd ma kien jaf li f’nofs dawn l-akkużi kien hemm MEP tal-Labour.