Lokali Mużika

Festival Ukren tal-arpa f’Malta: Mużika bħala Tama

minn Noel D’Anastas

Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju 2025, fil-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat se jittella’ kunċert bħala parti mill-Ukrainian Harp Festival-in-Exile, festival Ewropew li qed jiġbor arpisti Ukreni li jinsabu f’eżilju minħabba l-kunflitt kurrenti.

L-edizzjoni Maltija se tilqa’ tliet arpisti distinti fuq il-palk: Dariia Ahapova, Maryna Martianova, u Veronika Lemishenko, din tal-aħħar hija l-fundatriċi tal-Glowing Harp Festival f’Kharkiv. Il-festival huwa mmexxi minn Florence Sitruk, arpista Ġermaniża magħrufa madwar id-dinja li rnexxielha tkompli b’dan il-proġett kulturali f’diversi bliet Ewropej wara li nqala’ l-kunflitt tal-Ukrajna fl-2022.

Il-kunċert jinkludi wkoll l-ewwel esekuzzjoni dinija ta’ Out of Thorns… xogħol għal żewġ arpi, kompost minn Albert Pace, f’kollaborazzjoni mal-istess Sitruk u Lemishenko. Dan ix-xogħol jirrifletti fuq il-vulnerabbiltà u l-qawwa tal-ispirtu uman.

Il-programm se joffri taħlita ta’ repertorju klassiku, mużika kontemporanja Ukrena u din il-premiere speċjali ta’ Albert Pace.

Il-kunċert se jfakkar il-qawwa tal-mużika bħala għodda ta’ solidarjetà u kura kollettiva. Il-kunċert jibda fis-7.30pm. Donazzjonijiet jistgħu jsiru fuq il-post jew online fuq:

https://glowingharp-ukraine.com/…/charity-foundation-vl