Lokali

Fiċ-Ċina, Bernard Grech kellu diskussjonijiet biss ma’ politiċi u fl-ebda ħin ma ddiskuta l-Huawei – PN

Fake News oħra mis-Super One, il-midja Laburista taħt Robert Abela saret tispeċjalizza fil-gideb

Tas-Super One qed ikomplu juruna kif saru l-esperti tal-Fake News.

L-aktar gidba riċenti li ħarġu biha hija li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ ma’ xi ħadd mill-Huawei jew iddiskuta l-kumpanija Huawei waqt iż-żjara li għamel ix-xahar li għadda fiċ-Ċina.

Din mhi xejn ħlief Fake News – xi ħaġa li jispeċjalizza fiha l-istazzjon tal-Labour taħt Robert Abela.

Minkejja li Bernard Grech kien ċar fit-tweġiba li ta lill-ġurnalist tas-Super One lbieraħ, il-midja tal-Partit Laburista għażlet li ddawwar kliem il-Kap tal-PN u timplika li b’xi mod iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Huawei meta kien iċ-Ċina fuq stedina uffiċjali tal-Gvern Ċiniż.

Dan mhu minnu xejn u kif diġà għamilha ċara Bernard Grech, matul iż-żjara fiċ-Ċina hu kellu diskussjonijiet biss ma’ politiċi u fl-ebda ħin ma ddiskuta l-Huawei.

Huwa ċar li l-Partit Laburista qed jipprova jitfa’ tiegħu fuq ħaddieħor. Huwa MEP tal-Labour stess li qed jiġi investigat kriminalment b’rabta mal-Huawei. Il-fake news li vvinta l-Labour fuq Bernard Grech mhu xejn ħlief tentattiv biex idawwar l-attenzjoni minn fuq l-istorja li qed jitkellem fuqha kulħadd – dik tal-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard li qed jiġi investigat kriminalment mill-Pulizija Belġjana b’rabta mal-iskandlu ta’ korruzzjoni tal-Huawei. Tant li l-awtoritajiet Belġjani talbu li titneħħielu l-immunità parlamentari biex ikun jista’ jiġi investigat.

Is-Super One u l-aħbarijiet tiegħu saru fabbrika ta’ gideb biss, gideb spiss.