Sport Waterpolo

Finali bejn il-ġirien San Ġiljan u Neptunes għall-ewwel unur tal-istaġun tas-sajf

(Ritratt: Joseph Galea)

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN……. 11

SIRENS BUILD FITNESS………… 10

(2-3), (3-2), (4-3), (2-2)

L-ewwel finalisti tat-tieni edizzjoni tal-iSportMalta Cup huma San Ġiljan MAA Daikin. Huma kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Sirens Build Fitness f’logħba missielta. Kien sforz kollettiv fit-tim Ġiljaniż li ħadu aktar kontroll tal-logħba fit-tieni parti tagħha wara li Sirens kienu l-aħjar tim fl-ewwel parti.

Sirens kellhom il-vantaġġ darbtejn tul l-ewwel sessjoni. San Ġiljan kienu kkanċellaw parzjalment il-gowl inizjali ta’ Jerome Zerafa Gregory b’żewġ gowls, sakemm Gabriel Pace u Peter Borg reġgħu poġġew lil Sirens 3-2 fil-vantaġġ.

San Ġiljan tjiebu fit-tieni sessjoni u xeqilbu l-miżien favur tagħhom f’perjodi. Jake Cachia kien wieġeb wara l-gowl tad-draw parzjali skorjat minn Matthew Zammit, iżda gowls fi ftit sekondi ta’ Nico Schiavone u għal darba oħra Matthew Zammit, poġġew lill-Ġiljaniżi 5-4 minn fuq. Il-vantaġġ damu jgawduh għal ftit aktar minn minuta minħabba t-tieni gowl personali ta’ Cachia.

Il-bilanċ irrenja fl-ewwel żewġ sessjonijiet. Kien hawn li San Ġiljan ħadu vantaġġ doppju għall-ewwel darba fil-logħba b’gowls fil-bidu tat-tielet sessjoni minn Darren Zammit u Nikolai Zammit minn man-up. Huma żammew il-vantaġġ sa madwar tliet minuti mit-tmiem hekk kif Sirens għamlu l-iskor 8-8 b’żewġ gowls konsekuttivi. Madankollu Jeremy Abela assigura li San Ġiljan jibdew l-aħħar sessjoni fil-vantaġġ.

Dan wassal biex Sirens kellhom jiġru wara r-riżultat. San Ġiljan kellhom vantaġġ doppju darbtejn iżda fiż-żewġ okkażjonijiet Sirens wieġbu. Bi ftit anqas minn tliet minuti għat-tmiem, San Ġiljan kellhom vantaġġ ta’ 11-10. Sirens ippruvaw tal-anqas jisforzaw l-għoti tal-penalties speċjalment fl-aħħar perjodu wara li San Ġiljan kellhom gowl imħassar permezz tal-għajnuna teknoloġika. Madankollu Sirens ma rnexxielhomx jieħdu vantaġġ minn azzjoni ta’ superjorità numerika biex il-Ġiljaniżi rebħu b’distakk minimu.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja (1), D. Tully, G. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit (3), J. Bonavia, B. Plumpton (1), J. Abela (2), N. Zammit (2), D. Zammit (1), N. Schiavone (1), Z. Attard, N. Bonavia

Sirens: J. Parnis, P. Serracino, N. Rafailovic, P. Borg (1), J. Cachia (3), K. Agius (1), M. Ortoleva, I. Riolo (1), J. Zerafa Gregory (1), M. Sciberras (1), Z. Mizzi, G. Farrugia (1), M. Bonello DuPuis, G. Pace (1)

Referees: Stefan Licari, Alex de Raffaele

SLIEMA FRANK SALT………….. 6

NEPTUNES BEST GYMS……… 10

(1-5), (2-2), (1-1), (2-2)

Finali meritata għal Neptunes Best Gyms Malta li jħarsu b’ottimiżmu li jirbħu l-kompetizzjoni. Fuq in-naħa l-oħra, diżappunt għal Sliema Frank Salt li kellhom jiġru wara r-riżultat tul il-logħba kollha u rari taw ħjiel li setgħu verament jirkupraw. Jayden Cutajar irritorna għat-tim Slimiż filwaqt li Jake Muscat u Alec Fenech ma kinux inklużi fit-tim ta’ Neptunes.

Ironikament kienu Sliema li marru fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni tal-logħba b’gowl ta’ Benji Cachia. Ir-risposta ta’ Neptunes waslet lejn nofs is-sessjoni permezz ta’ Jordan Camilleri. Neptunes ma waqfux hawn u perjodikament skorjaw erba’ gowls konsekuttivi biex temmew l-ewwel sessjoni 5-1.

Neptunes kienu taw direzzjoni lejn l-iżvilupp tal-logħba, b’Sliema riedu jidħlu fil-logħba kemm jista’ jkun malajr. Wara li Sam Gialanze skorja t-tieni gowl personali f’nofs it-tieni sessjoni, Liam Galea naqqas id-distakk għal 6-3 b’doppjetta f’anqas minn minuta. Neptunes irnexxielhom iżommu l-erba’ gowls vantaġġ li bdew it-tieni sessjoni b’gowl ta’ Julian Valletta.

L-istess Valletta għamilhom 8-3 fit-tielet sessjoni u żamm lil Neptunes f’pożizzjoni komda. Id-distakk ta’ erba’ gowls baqa’ jippersisti hekk kif wara li kellu penalty salvat minn Matthew Castillo, Jayden Cutajar naqqas id-distakk lejn tmiem is-sessjoni.

F’żewġ okkażjonijiet tul l-aħħar sessjoni, Sliema ttantaw ikabbru t-tama ta’ rimonta diffiċli u naqqsu d-distakk momentarju għal 8-5 u 9-6. Madankollu Neptunes baqgħu jikkontrollaw, bil-captain Stevie Camilleri ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Sliema: N. Grixti, E. Schembri, L. Galea (3), J. Cassar, B. Cachia (2), J. Cutajar (1), D. Rizzo, G. Gatt, A. Galea, J. Chircop, D. Zammit, B. Busuttil, S. Engerer

Neptunes: M. Castillo, E. Mallia, S. Gialanze (2), L. Mallia, J. Camilleri (1), J. Valletta (3), S. Camilleri (2), M. Castillo (1), S. Mifsud, J. Bajada, A. Fava, M. Azzopardi (1), P. Ransley, M. Lanzon

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

SportMalta Centenary Cup

Is-Sibt 31 ta’ Mejju

Finali: San Ġiljan v Neptunes 5.00pm