Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li l-militar tiegħu elimina lil Mohammed Sinwar, il-Mexxej tal-grupp Ħamas f’Gaza u li kien fost l-aktar terroristi mfittxija minn Iżrael. Dan wara li l-Iżraeljani, xhur ilu, kienu qatlu lil ħuh, Yahya Sinwar, li kien ippjana l-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru tal-2023 f’Iżrael. Attakki li kienu ħallew il-mijiet tal-mejtin u midruba.
Mohammed Sinwar miet waqt li l-qawwiet Iżraeljani kienu qed jibbumbardjaw il-madwar tal-Isptar mibni mill-Ewropa fil-belt ta’ Khan Younis, fin-naħa t’isfel ta’ Gaza.
Mewtu tidher li seħħet ftit tal-jiem ilu u qed ikun ikkonfermat proprju issa minn Iżrael. Fl-istess ħin, l-Iżraeljani qalu li huma rnexxielhom jeqirdu l-infrastruttura tal-Ħamas fiz-zona li tinkorpora l-isptar inkwistjoni.
Il-grupp Ħamas, intant, la kkonferma u lanqas ma ċaħad għall-qtil ta’ Mohammed Sinwar.
//= $special ?>