L-emerġenza tal-ġuħ li qed tifni lill-Palestinjani ta’ Gaza wasslet għal xeni ta’ disprament kważi mingħajr preċedent fl-artijiet inkwistjoni… territorju fejn il-qawwiet ta’ Iżrael qed iżidu l-offensiva fuq numru ta’ zoni bil-ħsieb li jeliminaw l-aħħar bażijiet tal-grupp terroristiku Ħamas. Pjan li qed jidher ukoll bażat fuq ir-rilokazzjoni potenzjali tal-Palestinjani li ilhom jgħixu f’Gaza għal ħajjithom kollha.
Tant il-Palestinjani f’Gaza saru disprati li qed jidhru aktar disposti biex imutu taħt l-isparar tat-truppi Iżraeljani milli jibqgħu jsofru l-ġuħ, wara daqstant ġimgħat ta’ tbatija. Ġimgħat fejn, sal-lum, daħlu biss il-minimu tal-kunsinni tal-ikel għall-familji Palestinjani.
Fl-aħħar sigħat, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani qal li ‘l fuq minn 50 Palestinjan spiċċaw midruba wara li folol kbar kienu daħlu bil-forza f’ċentru għad-distribuzzjoni tal-għajnuina li qed jitmexxa minn entità ġdida appoġġjata minn Iżrael u l-Istati Uniti.
U filwaqt li l-Iżraeljani u sorsi oħrajn kienu qed jiġbru l-informazzjoni dwar l-iżviluppi, numru ta’ uffiċjali qalu li l-midruba ġarrbu l-feriti wara li l-qawwiet Iżraeljani tad-difiża kienu sparaw għal fuqhom. Dan waqt li l-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, irrefera anki għal ‘diversi mejtin’ fiċ-ċentru.
Il-qawwiet Iżraeljani wkoll qed janalizzaw l-aħħar rapporti miċ-ċentru. Dan waqt li l-kelliema qalu li t-truppi kien sparaw ‘tiri ta’ twissija’ f’ħin meta l-folol kbar tal-Palestinjani kienu qed jokkupaw iz-zona barra s-sit tal-Fondazzjoni Umanitarja għal Gaza, fil-belt ta’ Rafah. Din il-belt tinsab fin-naħa t’isfel ta’ Gaza u l-Iżraeljani qalu li huma ma sparawx speċifikament għal fuq in-nies.
Il-Fondazzjoni Umanitarja għal Gaza – permezz tas-sistema għad-distribuzzjon tal-għajnuna – qed tingaġġa lill-kuntratturi tas-sigurtà Ameirkani mingħajr xi forma ta’ kollaborazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti. Dan waqt li l-uffiċjali tan-NU ċaħdu għall-funzjoni ta’ din l-entità bħala ‘xi ħaġa li ma taħdimx u li tmur kontra kull etika’.
Madankollu, l-Istati Uniti u Iżrael qed jinsistu li l-Fondazzjoni u l-inizjattivi ta’ fejda li qed tmexxi jipprovdu ‘garanzija’ li l-ikel u l-affarijiet bażiċi oħrajn destinati għall-familji Palestinjani ma jinsterqux mit-terroristi tal-Ħamas ‘bħalma kien il-każ fl-aħħar xhur’. Dan meta tal-Ħamas qed jiċħdu kategorikament għal din l-akkuża.
Sadanittant, is-sitwazzjoni tal-Palestinjani f’Gaza qed issir dejjem aktar impossibbli ma’ kull ġurnata li tgħaddi u meta Iżrael beħsiebu jissikka l-morsa, minn aspett militari, fuq l-ibliet taz-zona fejn għad hemm preżenza mdaqqsa tal-Ħamas.
U għalkemm l-Iżraeljani naqqsu l-istat ta’ assedju, mill-art, li kien ilu effettiv għal Gaza għal kważi tliet xhur, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uinti komplew iwissu li l-livelli tal-ġuħ, issa, saru tassew ‘katastrofiċi’ għal ftit aktar minn żewġ miljun Palestinjani residenti fiz-zoni tal-konflitt.
//= $special ?>