Futbol Sport

“Il-Gulli” jista’ jibqa’ jilgħab fl-Ekstraklasa, fl-ogħla diviżjoni Pollaka, iżda ma’ klabb ieħor

Matthew Guillaumier
Matthew Guillaumier

Rapporti fil-midja Pollaka qed jgħidu li l-midfielder internazzjonali Malti, Matthew Guillaumier jista’ jkompli l-karriera tiegħu fl-Ekstraklasa, l-ogħla diviżjoni Pollaka fejn il-plejer ta’ 27 sena, ilu jilgħab għal dawn l-aħħar żewġ staġuni.

Hu fatt, anke għaliex dan kien konfermat minn Guillaumier innifsu riċentament waqt intervent f’Replay, li wara li Stal Mielec sfaw relegati għal I Liga, it-tieni captain ta’ Malta jista’ jħalli lill-klabb Pollak mingħajr ebda problemi u b’xejn peress li fil-kuntratt iffirmat bejn Guillaumier u Stal Mielec, hemm klawsola li tippermetti li l-plejer jinħeles minn kull irbit ta’ kuntratt minn mal-klabb f’każ ta’ relegazzjoni. Għaldaqstant Guillaumier diġà kkonferma li hu ħieles, u jista’ jitkellem u jinnegozja kuntratt ġdid ma’ kwalunkwé klabb ieħor.

F’sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, plejers b’abbiltá u li diġà jolqtu l-għajn ta’ klabbs oħra meta jkunu marbuta b’kuntratt, faċilment jiżdied l-interess fihom għaliex ma jkun hemm ebda ħlas minn klabb għall-akkwist tagħhom. Minn dak li qed jiġi mitkellem fil-midka Pollaka, Motor Lublin, klabb li spiċċa fis-seba’ post fil-klassifika finali tal-Ekstraklasa, ilhom li xeħtu għajnejhom fuq l-internazzjonali Malti ta’ nofs il-grawnd u qed jittamaw li jkunu kapaċi jikkonkludu t-trasferiment ta’ Guillaumier fl-iqsar żmien possibbli.

L-istess sorsi fil-midja Pollaka qed tirrapporta li l-kowċ ta’ Motor Lublin, Mateusz Stolarski, ikkonferma li hu u d-Direttur Sportiv tal-klabb, Paweł Golański huma fi qbil li Guillaumier għandu jkun wieħed mill-objettivi tal-klabb fil-kampanja akkwisti ta’ dan is-sajf.

L-interess ta’ Motor Lublin f’Guillaumier hu sal-punt li f’Marzu li għadda, meta Malta lagħbet Stadion Narodowy, kontra l-Polonja, fit-tieni logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, f’Varsavja, Stolarski u Golański, kienu preżenti għal din il-logħba biex isegwu mill-viċin lil Guillaumier.

Fatt interessanti minn dik il-partita bejn Polonja u Malta li kienet intemmet 2-0 favur l-avversarji tagħna, kien li mill-plejers kollha li lagħbu fiha, inkluż dawk Pollakki, kien biss Guillaumier l-uniku plejer li kien qed jilgħab fl-Ekstraklasa.

Matthew Guillaumier

Wieħed mill-artikli li fil-Polonja tkellem dwar il-possibiltá ta’ dan it-trasferiment saħansitra iżid jgħid li Motor Lublin huma magħrufa għat-tip ta’ akkwisti li jagħmlu, u li sejħulhom “trasferimenti mhux mistennija” wara li jkunu huma scouting bir-reqqa fuq ċertu plejers. L-istess artiklu jġib bħala eżempju l-akkwisti riċenti li Motor Lublin għamlu ta’ Sergi Samper u Jean-Kévin Augustin.

Samper hu Spanjol, li llum għandu 30 sena. Fil-passat lagħab għal divesi staġuni ma’ Barcelona iżda ‘mbagħad kien trasferit il-Ġappun ma’ Vissel Kobe. Wara erba’ staġuni jilgħab fl-Asja, Samper kien reġa’ irritorna fl-Ewropa, u ssieħeb mal-klabb ta’ FC Andorra u wara sena ffirma ma’ Motor Lublin.

Fil-każ ta’ Augustin, dan hu eks plejer ta’ PSG, li lagħab mat-tim nazzjonali Franċiż ta’ taħt il-21 sena, iżda qatt ma lagħab ma’ Les Bleus. Wara staġun jilgħab fit-tieni diviżjoni Franċiża u żewġ staġuni ma’ Basel fis-Super League Żvizzeru, Augustin kien akkwistat minn Motor Lublin.

F’kummenti riċenti li Guillaumier ta lil Replay, hu eskluda kompletament li kien se jirritorna jilgħab f’Malta, iżda ma eskludix il-possibiltá li jbiddel Kampjonat. Fl-istess waqt, Guillaumier qatt ma ċaħad li jekk tiġih opportunitá tajba hu jibqa’ jilgħab fil-futbol Pollak ma’ klabb ieħor.

Ix-xahar ta’ Ġunju se jkun wieħed partikolari għal Guillaumier għaliex apparti li se jkun parti integrali mit-tim nazzjonali Malti fiż-żewġ partiti li t-tim nazzjonali se jkun qed jilgħab kontra l-Litwanja u l-Olanda, bħala parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, hu se jkun qed jiżżewweġ u fl-istess waqt jieħu deċiżjoni dwar il-futur tiegħu bħala klabb.