Il-MInistru tal-Intern Byron Camilleri ma qalx kemm se jkun hemm pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan fis-sajf, fil-perjodu meta dan il-post ikun frekwentat minn eluf kbar ta’ persuni; Maltin u turisti.
Kienet id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ li staqsiet lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jgħid kemm ikun hemm pulizija assenjati fl-Għassa ta’ San Ġiljan matul ix-xhur tas-sajf minħabba li bħala lokalità, din tilqa’ ħafna turisti u li fiha hemm ukoll moviment kbir kummerċjali u ta’ divertiment.
Il-Ministru Camilleri qal li li qatt daqs illum ma hemm preżenza f’Malta ta’ pulizija fil-komunità. Hu qal li mhux biss il-lokalitajiet kollha tal-pajjiż huma koperti mill-preżenza tal-pulizija tal-komunità imma wkoll mill-pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit li jagħmlu rondi kontinwi, mill-Kavallerija tal-Korp, mit-Taqsima tal-Klieb u għalhekk jikkumplimentaw il-ħidma li qed issir fl-għases.
Hu kompla fl-Għassa ta’ San Ġiljan matul ix-xhur tas-sajf, kif ukoll fix-xhur kollha tas-sena, dejjem ikunu msaħħa u miżjuda fil-perjodi u ħinijiet meta l-attivitajiet jiżdiedu. Din iż-żieda kienet u tibqa’ tiġi bbażata fuq analiżi effikaċi li ssir regolarment biex ikun iddeterminat l-ammont ta’ uffiċjali ta’ Pulizija meħtieġa għal skop ta’ ordni pubblika, skont l-istaġun, il-jiem ta’ matul il-ġimgħa u attivitajiet speċifiċi oħra.
Il-Ministru Camilleri sostna li dan il-Gvern se jkun introduċa wkoll sistema ta’ CCTV f’39 lokalità differenti li jfisser li dawn iz-zoni ser ikunu sorveljati 24 siegħa kuljum, fosthom, f’Paceville bil-lest għas-sajf.
//= $special ?>