Lokali Parlament

Il-Gvern qed jirrifjuta li jiddiskuti mozzjonijiet ta’ natura importanti ħafna fil-Parlament

Darren Carabott, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal fil-Parlament li l-gvern qed jirrifjuta li jiddiskuti mozzjonijiet ta’ natura importanti ħafna fil-Parlament.

Darren Carabott appella biex ikun hemm diskussjonijiet iktar profondi fil-Parlament u li jkun hemm riformi meħtieġa biex il-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni jkunu diskussi.

Hu sostna li kien ippreżenta abbozz dwar id-dritt tal-ambjent fil-Kostituzzjoni. Filwaqt li din il-mozzjoni ilha sentejn li tressqet, il-Gvern baqa’ ma ddiskutiex, sostna Darren Carabott, li kompla li ż-żewġ seduti li jkollha l-Oppożizzjoni jintużaw għal diversi mozzjonijiet fosthom dik dwar Jean Paul Sofia. Hu kompla li l-gvern lanqas jaqbel mal-Oppożizzjoni kif għamel dwar il-mozzjoni għal inkjesta fuq Jean Paul Sofia.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern irid jiddiskuti mozzjonijiet ta’ natura sekondarja flok id-dritt tal-ambjent fil-Kostituzzjoni, il-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Awtorità tax-Xandir, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkejsta Daphne Carauna Galizia, ir-riforma fix-xandir, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, id-dħul tat-12-il protokoll, il-ħolqien ta’ Kumitat Permanenti tal-Ġustizzja u riforma fl-ordnijiet tal-Parlament.

Darren Carabott tkellem dwar id-dritt fundamentali tal-ambjent fil-Kostituzzjoni u qal li l-ebda liġi ma tista’ tkun inkonsistenti mal-Kostituzzjoni. Hu sostna l-mozzjoni tal-PN tbiddel il-mod kif il-poplu jħares lejn l-ambjent u żied li l-PN qed jgħid li dan id-dritt għall-ambjent sostenibbli u nadif il-poplu jkun kiseb l-aktar dritt fundamentali importanti. Dan se jeffettwa kull suġġett li jeffettwa l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm deputati tal-gvern li jaqblu ma’ din il-mozzjoni, li tmur lil hinn mill-element partiġjan. Darren Carabott tkellem dwar in-nuqqas ta’ riżorsi li għandhom id-deputati biex dawn ifasslu xogħol leġiżlattiv.