Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista b’soluzzjonijiet konkreti li jindirizzaw l-għoli tal-ħajja li qiegħed dejjem jirranka” – PN

Statistika separata li ħarġet fi spazju ta’ ftit jiem turi li l-prezzijiet qed ikomplu jogħlew u jgħabbu l-familji Maltin u Għawdxin b’piżijiet li ma jifilħux għalihom

Fid-dawl tal-aktar statistika riċenti li tkompli tikkonferma li l-Maltin u l-Għawdxin qed ikomplu jiffaċċjaw żidiet fil-prezzijiet tal-aktar affarijiet bażiċi, il-Partit Nazzjonalista qed jitkellem bl-istess vuċi tal-familji u qed joħroġ b’soluzzjonijiet konkreti biex jindirizza din il-kriżi.

Minkejja f’dan, il-Gvern Laburista qed ikompli jinjora dawn il-miżuri li l-Oppożizzjoni qed tressaq ’il quddiem għax huwa maqtugħ mir-realtà tal-ħaddiema, iż-żgħażagħ, is-self-employed, l-anzjani u l-pensjonanti u mhux iħoss il-polz tal-familji li kulma jmur qed ikomplu jitgħabbew b’aktar piżijiet li ma jifilħux għalihom.

F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu x-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Pace Ross fakkru kif fl-aħħar jiem kellna żewġ studji li kkonfermaw li l-għoli tal-ħajja qiegħed dejjem aktar jgħolli rasu.

Fl-ewwel każ kellna l-istatistika tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur li turi żieda minn 2.1% għal 2.6% fi spazju ta’ xahar, minn Marzu għal April.

Erbat jiem wara ħarġet statistika oħra tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, din id-darba dik tal-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li wriet kif ir-rata tal-għoli tal-ħajja telgħet minn 2.1% f’Marzu għal 2.4% f’April.

Il-fatti juru li l-għoli tal-ħajja mhux ġej minn barra biss, imma huwa wkoll riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-Gvern u xhieda tal-prijoritajiet ħżiena ta’ Robert Abela u l-Gvern Laburista.

Il-kelliema tal-PN spjegaw kif iċ-ċifri tal-Gvern stess jikkonfermaw li l-għoli fil-prezzijiet qed jolqot l-aktar lil min għandu dħul baxx, lill-pensjonanti, lill-ġenituri waħidhom u lil dawk li jgħixu fuq pagi baxxi.

Agħar minn hekk, l-akbar żieda fil-prezzijiet kienet reġistrata fl-indiċi tal-ikel li żdied bi kważi punt perċentwali fuq ix-xahar ta’ qabel, bil-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi bħal ħalib, ħobż, ħaxix u mediċini jiżdiedu b’rata allarmanti. Kien hemm ukoll żidiet sinifikanti fl-indiċi tat-trasport u dak tal-edukazzjoni.

Iż-żieda li jagħti l-Gvern għall-għoli tal-ħajja (il-COLA) – u li fuqha l-Gvern għadu qed jieħu t-taxxa – malajr tisfuma fix-xejn.

Fl-istess ħin li l-ħajja qed tkompli togħla, hemm fatturi oħra li qed jiggravaw is-sitwazzjoni, fosthom iż-żieda fil-popolazzjoni mingħajr ippjanar infrastrutturali u l-influss ta’ ħaddiema barranin b’ħiliet baxxi.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll ix-xejriet allarmanti fil-qagħda soċjali u ekonomika li toħroġ minn diversi rapporti, fosthom tal-Caritas. Fil-fatt l-istudju li sar mill-Caritas Malta dwar l-ispejjeż bażiċi fejn tidħol l-għoli tal-ħajja juri żidiet sostanzjali fil-basket ta’ prodotti bażiċi għall-ħajja meta tqabbel l-2024 mas-sena 2020:

  • Familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal: żieda ta’ €5,207
  • Familja ta’ adult u żewġt itfal: żieda ta’ €5,974

Min-naħa l-oħra paga medja għal xogħol elementari fl-istess perjodu żdiedet biss b’€3,003 li jfisser li żdiedet b’rata inqas milli żdiedet xirja bażika għal familja biex tgħix ħajja diċenti.

Quddiem dawn l-isfidi kollha, il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni konkreta u ħareġ b’soluzzjonijiet kemm immedjati imma wkoll fit-tul, li però l-Gvern warrab fil-ġenb u saħanistra vvota kontra Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex verament tindirizza l-pjaga tal-għoli tal-ħajja.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi pjan serju u realistiku biex itaffi l-għoli tal-ħajja u jkun ta’ spalla kemm għall-konsumaturi, kif ukoll għas-sidien tan-negozji:

1. Żieda fid-dħul disponibbli għall-familji:

  • Tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja
  • Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jaqla’ l-ħaddiem minn xogħol part-time u overtime

2. Appoġġ lin-negozji:

  • Tax credits fuq spejjeż operattivi addizzjonali
  • Fond għall-importazzjoni u l-esportazzjoni biex inaqqas spejjeż relatati mal-loġistika

3. Viżjoni fit-tul għall-produttività:

  • Investiment fit-teknoloġija u d-diġitizzazzjoni biex ikun jista’ jsir ħafna aktar b’inqas spejjeż
  • Tnaqqis fil-bżonn għal ħaddiema barranin li jkollhom ħiliet baxxi
  • Programm nazzjonali ta’ skilling u re-skilling biex iħejji l-ħaddiema għall-ekonomija moderna u jinħolqu impjiegi ta’ valur miżjud u pagi aħjar
  • Investiment f’setturi ġodda ta’ xogħol li huma ta’ valur miżjud.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li n-nies iridu viżjoni soċjo-ekonomika li toħloq il-ġid. Jeħtieġ li nżidu l-livelli ta’ produttività f’pajjiżna. In-nies iridu kwalità ta’ ħajja aħjar bil-fatti. Iridu li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-ġid komuni u mhux biex tal-qalba jkomplu jitħanżru.

Ix-Shadow Ministers temmew jgħidu li mhux biżżejjed li l-ekonomija tikber fuq il-karta, jekk dan it-titjib ma jkunx rifless fil-bwiet tal-familji li qed iħossu l-għafsa tal-prezzijiet dejjem jogħlew fl-istess ħin li mhux qed ilaħħqu bil-paga sal-aħħar tax-xahar.

In-nies mhumiex numri. U l-istatistika ma tiswa għal xejn jekk ma tiġix tradotta f’titjib fil-livell tal-għajxien tal-familji tagħna.