Lokali Parlament

Il-PN favur bidla sħiħa fil-Kostituzzjoni; irid jagħti lill-poplu Kostituzzjoni b’saħħitha

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li l-PN hu favur bidla sħiħa fil-Kostituzzjoni u mhux bidliet kif irid il-gvern.

Fid-dibattitu parlamentari dwar Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch qal li l-Kostituzzjoni mhijiex kwalunkwe liġi iżda l-pedament tad-demokrazija u għalhekk il-PN għamel stedina lill-Gvern biex din tkun trattat b’rispett fl-integrità tagħha biex tibda liġi suprema fil-pajjiż li tkun qiegħda tara li d-demokrazija sseħħ bil-fatti.

Dan mhuwiex rifless fl-imġiba tal-gvern li ressaq ftit emendi fl-eżerċizzju li sar ta’ malajr meta dan għandu jkun eżerċizzju li jsir b’rispett lejn il-poplu, lejn id-demokrazija u lejn il-Kostituzzjoni b’impenn kollettiv. Hu kompla li l-PN hu favur riforma sħiħa fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż u għalhekk dejjem għaraf li l-pajjiż fil-Kostituzzjoni għandu bżonn li jkun impenjat li din ir-riforma tkun serja.

Bernard Grech kompla li bid-diskors, il-Gvern jgħid li jemmen f’dan. Kien inbeda proċess biex isir riforma Kostituzzjoni u hemm kumitat li taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta li fih suppost kellha ssir riforma sħiħa fil-Kostituzzjoni. Filwaqt li l-PN hu impenjat biex dan il-proċess isir, dan il-proċess ma mexiex kif kellu jimxi minħabba nuqqas ta’ impenn mill-Gvern.

Il-Gvern mhu jagħmel xejn biex din ir-riforma ssir, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li r-riforma għandha tkun valida u sħiħa li ma ssirx biex ikunu indirizzati interessi personali jew l-aġenda tal-Gvern iżda biex l-interessi tal-poplu li jkompli jikber ikunu indirizzati.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Gvern kien qed imur għand l-Oppożizzjoni u jgħid li jixtieq jagħmel bidliet fil-Kostituzzjoni. L-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti fuq il-bidliet proposti minnha.

Il-PN dejjem ikkopera mal-gvern u għamel numru ta’ emendi fil-Kostituzzjoni iżda minkejja li l-PN ta l-benefiċċju tad-dubju diversi drabi u anki vvota favur emendi fil-Kostituzzjoni, il-Gvern baqa’ jilgħab il-logħba li ma jiddiskutix biex iwettaq l-impenn ta’ rifoma sħiħa.

Din id-darba wkoll, il-PN kien u għadu qed jitkellem ċar u qed jistieden lill-Gvern biex ikun hemm dan il-proċess. Ir-rieda tal-PN għal proċess sħiħ ta’ riforma għadha hemm u jibqa’ hemm iżda biex dan isir, il-Gvern irid imur għad-diskussjoni.

Bernard Grech qal li l-PN qed jipproponi riforma fil-proċess elettorali, li anki l-Prim Ministru jgħid li jaqbel miegħu iżda ma jagħmel xejn. Hu kompla li l-PN irid Kummissjoni Elettorali verament indipendenti u jeħtieġ li ssir din id-diskussjoni dwarha. Ma’ dan jaqbel kulħadd, iżda l-PN hu determinat li din id-diskussjoni ssir iżda l-Gvern jaqbel iżda ma jersaq qatt għad-diskussjonijiet.

L-istess dwar l-Awtorità tax-Xandir, fejn hemm bżonn diskussjoni sħiħa, serja u matura li fiha jkun hemm qbil dwar il-funzjonijiet tagħha. L-Awtorità għandha li apparti l-liġi, irid ikollha r-riżorsi kollha meħtieġa.

Hu tkellem dwar ir-riforma meħtieġ fl-istazzjonijiet tal-Istat fejn it-TVM qiegħed hemm biex jaqdi l-poplu u mhux lill-gvern tal-ġurnata. Il-Kap tal-PN semma’ l-ħatra tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija li huma ħatriet importanti tant li t-tibdil li hemm bżonn isir għandu jsir biex ikun assigurat li fil-pajjiż ikun hawn is-saltna tad-dritt imħarsa.

Hu semma’ l-proposta tal-PN li l-ambjent isir dritt fundmantali fil-Kostituzzjoni iżda l-Gvern lanqas hawn mhu jaqbel. Illum tant l-ambjent hu taħt assedju li qed jeffettwa l-kwalità tal-ħajja tan-nies, iżda l-Gvern jibqa’ ma jridx jiddiskuti. L-istess qed jagħmel dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia li ilhom iktar minn sentejn iżda l-Gvern ma wettaq xejn minnhom.

Dawn huma issa wiegħdi elettorali tal-PN, sostna Bernard Grech, li kompla li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li heżżeż is-soċjetà Maltija.

Proposta oħra tal-PN hi d-dħul tat-12-il protokoll tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali u t-twaqqif ta’ Kumitat Permanenti tal-Ġustizzja flimkien ma’ riforma sħiħa tal-Ordnijiet tal-Parlament. Dan biex il-Parlament jiffunzjona aħjar b’rispett lejn il-poplu.

Il-Gvern ma jridx li l-poplu jimxi ‘l quddiem u li r-reputazzjoni tal-pajjiż titjieb għax jippreferi li jagħmel emendi skont l-inkwiet tal-ġurnata li jkollu.

Bernard Grech qal li l-PN qed jinsisti li ssir riforma sħiħa fil-Kostituzzjoni b’rispett lejn l-istess Kostituzzjoni. Daqshekk tgħawwiġ tal-Kostituzzjoni; jeħtieġ riforma sħiħa fl-interess nazzjonali.

Hu qal li l-PN lest jiddiskuti dwar dawn ir-riformi u sostna li biex il-Gvern jgħaddi dawn l-emendi l-Gvern għandu bżonn il-vot tal-PN.

Din id-darba, wara tant ċansijiet li tat lill-Gvern biex jiddiskuti u l-Gvern ma jiġix, il-PN jivvota biss favur riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni. Hu qal li l-Parlament ta vot ta’ fiduċja lill-President Spiteri Debono u appella lill-Prim Ministru biex taħt il-patroċinju tagħha, isiru diskussjonijiet bis-serjetà.

Ejja ma nibżgħux nagħtu lill-poplu Kostituzzjoni b’saħħitha li tonora d-demokrazija fil-pajjiż, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi tmiem is-seduta, li fiha tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Johnaton Attard, ittieħed vot fuq l-abbozz imressaq mill-Gvern għal emendi fil-Kostituzzjoni. L-abbozz tal-Gvern għadda b’41 vot favur u 32 vot kontra.