Nibgħatlek u ma tweġibx, inħares u ma nemminx – inħobbuk għal dejjem.
Kienu dawn il-kliem ta’ qsim il-qalb li kitbet Stef Coppola, il-mara ta’ Shaun Coppola, is-sewwieq li tilef ħajtu traġikament it-Tlieta waranofsinhar f’San Pawl il-Baħar.
Hija saħqet li taf li mhux ħolma imma bħal donnha qed tgħix f’waħda… filwaqt li insistiet li se tibqa’ żżomm il-memorja tiegħu ħajja għal binthom li fi kliemha… kellu ħafna ħolm u pjanijiet għaliha.
Bosta kienu xxukkjati għat-telfa ta’ Shaun, li miet it-Tlieta fl-età ta’ 35 sena. Diversi kienu dawk li ddeskrivew lil dan il-missier bħala bniedem mimli ġenerożità u mħabba lejn il-familja. Intqal li l-karattru ta’ Shaun kien wieħed li jolqot lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor miss magħhom.
Kien ukoll deskritt bħala pijunier fil-qasam tal-muturi f’Malta; wieħed li kellu passjoni kbira lejn dan il-qasam, iżda aktar minn kollox ħabib ta’ veru, b’karattru li kien immedjatament jimla’ kamra.
B’dawk kollha li kienu jafuh jisħqu li ħadd ma jista’ jemmen bit-telfa tiegħu li ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi u ħasditlu ħajtu f’tebqa t’għajn.
Intant, it-2 Wheels Foundation Malta, filwaqt li waslu l-kondoljanzi lil qraba u l-ħbeb ta’ Coppola, insistew li llum aktar minn qatt qabel hemm bżonn li l-barrikati fit-toroq Maltin jinbidlu u minflok jitqiegħdu barrikati li jkunu siguri għas-sewwieqa tal-muturi.
Huma saħqu li ilhom snin jappellaw għal dan, iżda sadanittant għadu ma nbidel xejn. Bl-appelli jaqgħu fuq widnejn torox.
//= $special ?>