Lokali

“Ir-riforma Kostituzzjonali għandha tkun waħda sħiħa u mhux bil-biċċiet” – PN

Ir-riforma Kostituzzjonali għandha tkun waħda sħiħa u mhux bil-biċċiet

Il-Partit Nazzjonalista huwa favur riforma Kostituzzjonali sħiħa u mhux bil-biċċiet, u diġà ressaq il-proposti tiegħu dwar tibdil li jemmen li huwa meħtieġ li jsir fil-Kostituzzjoni u f’liġijiet oħrajn ta’ pajjiżna.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni trid li dan il-proċess ta’ emendi fil-Kostituzzjoni jkun immexxi mill-President ta’ Malta bis-sehem tal-membri tal-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali. Il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja sħiħa fil-President ta’ Malta u hu konvint li hi kapaċi u għandha r-rieda li tlaqqa’ liż-żewġ naħat biex jiġu konklużi d-diskussjonijiet dwar riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li din id-diskussjoni għandha ssir mill-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra flimkien, b’sens ta’ maturità u responsabbiltà. Għandu jkun hemm ukoll djalogu attiv mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini dwar kif il-Kostituzzjoni għandha tinbidel biex ikollna demokrazija b’saħħitha.

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Bernard Grech elenka l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex kwalunkwe tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna jsir bħala parti minn proċess komprensiv ta’ riforma sħiħa tal-qafas kostituzzjonali. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tibdil għandu jinkludi:

  • Il-ħatra u l-funzjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali;
  • Il-ħatra u l-funzjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir;
  • L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia;
  • Ir-riforma tax-xandir pubbliku;
  • L-ambjent bħala dritt fundamentali;
  • Il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija;
  • Il-ħatra tal-Avukat Ġenerali;
  • Id-dħul fis-seħħ tat-12-il Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali;
  • It-twaqqif ta’ Kumitat Permanenti għall-Ġustizzja; u
  • Riforma sħiħa fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra

Bernard Grech saħaq li l-Gvern ressaq dan l-abbozz b’għaġla għax għandu quddiemu skadenzi li kien ilu konxju tagħhom. Tant hu hekk, li l-Oppożizzjoni kienet infurmata b’dan l-abbozz ġimgħa biss qabel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ma għandux juża l-maġġoranza li għandu fil-Parlament biex jagħmel li jrid, imma għandu jużaha biex jagħmel dak li għandu bżonn pajjiżna. Kif se jagħmel il-Partit Nazzjonalista meta se jiżgura li l-vot tal-Oppożizzjoni fil-Parlament ikun favur il-poplu Malti u Għawdxi.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni se tuża l-għodda tal-vot taż-żewġ terzi biex tiżgura li pajjiżna jagħmel passi ’l quddiem f’setturi essenzjali bħall-governanza tajba, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-ambjent, xandir li jkun ta’ servizz għall-pubbliku u Parlament li jirrappreżenta lil kulħadd.